Minkejja d-daqs ġeneralment insinifikanti tagħhom u n-nuqqas ta’ poter, stati
żgħar għandhom it-tendenza li jkunu attivi ħafna fir-relazzjonijiet
internazzjonali. Tabilħaqq, stati żgħar jilgħabu rwol importanti
fid-diplomizija multilaterali.
Stati żgħar ġeneralment għandhom it-tendenza li jiffavorixxu r-regola
tal-liġi internazzjonali, li jippromwovu in-Nazzjonijiet Magħquda kif ukoll
l-importanza tal-koperazzjoni fl-isferi kollha. Stati żgħar iduru lejn sistema
internazzjonali, multilaterali bbażata fuq regoli biex isaħħu l-koperazzjoni
bejn in-nazzjonijiet għaliex jagħrfu li l-ebda pajjiż waħdu, irrispettivament
mid-daqs u l-poter tiegħu, ma jista’ jsolvi l-problemi kollha li d-dinja qed
tiffaċċja. Stati żgħar, preċiżament minħabba n-nuqqas tagħhom ta’ poter, huma,
u jitqiesu li huma, sensara onesti, mingħajr aġendi nazzjonali, li jippreżentaw
proposti u idejat li jibbenefikaw l-umanita’ kollha.
F’ambjent karatterizzat minn sistema multilaterali bbażata fuq regoli, li
tistabbelixxi kundizzjonijiet indaqs għal kullħadd, stati żgħar, speċjalment
jekk ikunu magħqudin flimkien, ikollhom l-opportunita’ li jippreżentaw l-idejat
u l-proposti tagħhom lin-nazzjonijet kollha, irrespettivament mid-daqs jew
il-poter tagħhom. Kien hemm diversi okkażżjonijiet fejn stati żghar, inkluża
Malta permezz tar-rwol tagħha fil-formulazzjoni tal-Liġi Internazzjonali
tal-Baħar, irnexxilhom jippreżentaw proposti biex isaħħu u jiżviluppaw aspetti
differenti tal-qafas legali internazzjonali. Stati żgħar kienu anke’ minn ta’ quddiem
nett biex jiġbdu l-attenzjoni tal-kommunita’ internazzjonali għal problemi kbar
li qed tiffaċċja d-dinja, bħal bidla fil-klima.
Iċ-ċkunija ta’ dawn l-istati u n-nuqqas ta’ poter tagħhom iservu biex
ifakkru l-kommunita’ internazzjonali fl-obbligi u l-impenji tagħha lejn l-ordni
ibbażata fuq ir-regoli li ġiet maħluqa matul dawn l-aħħar għexieren ta’ snin.
