Id-Diplomazija
tax-Xjenza mhix fenomenu ġdid, iżda wieħed li kiseb importanza addizzjonali
matul is-snin riċenti minħabba d-dimensjoni xjentifika evidenti fl-isfidi
globali ta’ bħalissa. L-aktar definizzjoni estiża tirreferi għad-Diplomazija
tax-Xjenza bħala waħda maqsuma fi tlett dimensjonijiet distinti iżda relatati.
L-ewwel nett, Ix-Xjenza fid-Diplomazija: fejn l-għerf u l-evidenza
xjentifika jiġu użati biex jiggwidaw u jappoġġjaw il-miri tal-Politika
Barranija. It-tieni, id-Diplomazija għax-Xjenza: fejn riżorsi u xogħol
diplomatiku jiġu utilizzati sabiex tkun iffaċilitata il-koperazzjoni Teknika u
Xjentifika fuq bażi internazzjonali. Fl-aħħar, ix-Xjenza għad-Diplomazija:
fejn koperazzjoni
xjentifika tintuża bħala sors ta’ ġibda u ammirazzjoni politika bejn ċertu
pajjiżi sabiex isaħħu r-relazzjonijiet esterni tagħhom. Mill-perspettiva
tax-xogħol diplomatiku ta’ Malta fid-Diżarm, l-ewwel żewġ dimensjonijiet
tad-definizzjoni huma l-aktar relevanti. Tabilħaqq, Malta tipparteċipa
f’diversi għaqdiet internazzjonali relatati mad-Diżarm li jutiliżżaw ix-xjenza
sabiex jiggwidaw il-Politika Barranija u/jew jiffaċilitaw il-koperazzjoni
teknika, filwaqt li ssegwi mill-qrib ukoll l-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi
fl-armi.
L-oqsma
tax-Xjenza u d-Diplomazija huma ferm għal qalb l-Organizzazzjoni Komprensiva
tat-Trattat għall-Projbizzjoni tat-Testijiet Nukleari (CTBTO), li fasslet
għanqbuta ta’ aktar minn 300 stazzjon ta’ sorveljanza. Dawn l-istazzjonijiet
jagħmluha possibli li nantiċipaw diżastri naturali bħal terremoti. Barra minn
hekk, l-istazzjonijiet jagħtu indikazzjoni f’każ ta’ splużonijiet artifiċalji.
Pereżempju, t-testijiet Nukleari kollha li għamlet il-Korea ta’ Fuq fl-aħħar
snin ġew maqbuda u mikxufa minn dawn l-istess stazzjonijiet permezz tal-vibrazzjonijiet
sismiċi maħluqa mit-testijiet. Malta tgawdi minn relazzjonijiet eċċellenti ma
din l-għaqda u s-Segretarju Eżekuttiv Lassina Zerbo żar Malta darbtejn riċentament.
L-Aġenzija
Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA), bħala ‘’l-Għassiesa tal-Affarijiet Nukleari’’
tan-Nazzjonijiet Magħquda, twettaq il-verifiki tagħha sabiex tagħmel żgur li
Stati Membri ikunu konformi mal-obligazzjonijiet legali stipulati fi trattati
internazzjonali, iġifieri li ma jagħmlux użu minn materjal, enerġija, u
teknoloġija Nukleari għal skopijiet Militari. Madankollu, l-IAEA għandha kemm
dimensjoni Politika u kemm waħda teknika. B’hekk, permezz tal-‘’Programm ta’
Kooperazzjoni Teknika’’, l-IAEA tittrasferixxi t-teknoloġija nukleari għal
għand Stati Membri, u tgħinhom sabiex jameljoraw s-sigurtà nukleari u radjoattiva
madwar id-dinja. Riċentament, Malta iffirmat il-‘’Qafas ta’ Programm Nazzjonali
2018-2023’’ mal-IAEA. Il-proġetti ġewwa fiħ ser jiffukaw fuq l-oqsma ta’ Qafas
ta’ Sigurtà, s-Saħħa Umana, il-Wirt Kulturali, u l-Ilma u l-Ambjent, li ġew
identifikati bħala prioritajiet Maltin.
Waħda mill-funzjonijiet tal-Organizzazzjoni
għall-Projbizzjoni tal-Armi Kimiċi (OPCW) hi li twettaq
investigazzjonijiet formali jekk ikun hemm allegazzjonijiet ta’ użu ta’ armi
kimiċi. Dawn
l-investigazzjonijiet huma ta’ natura xjentifika u jservu sabiex jiġi stabillit
jekk hux vera li armi kimiċi kienu użati f’xi
teritorju speċifiku. Ta’ min isemmi li
Malta iffurmat parti mill-Kunsill Eżekuttiv tal-OPCW bejn Mejju tal-2018 u
Mejju tal-2020. Tul dan il-perjodu, Malta dejjem appoġġjat missjonijiet
investigattivi ta’ dan it-tip.
Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, Malta issegwi mill-qrib l-iżviluppi
teknoloġiċi rigward Sistemi ta’
Armi Awtonomi Letali (LAWS). L-isforzi diplomatiċi lejn kontroll ta’ armi
ta’ din l-għamla jirrikjedu l-appoġġ ta’ livell għoli ta’ għerf xjentifiku u
metodi ta’ analiżi inter-dixxiplinarji. Dan għaliex dawn l-armi ilaqqaw
flimkien l-oqsma tal-Intelliġenza Artifiċjali, il-Bio-teknoloġija, l-istudji Ċibernetiċi, it-teknoloġija tal-Missili, ‘’Quantum
Computing’’, l-ispazju. B’rabta ma’ dan,
Malta iparteċipat f’LAWS Forum li ġab
flimkien Diplomatiċi, Uffiċjali Militari,
Imprendituri, u Xjenzati Esperti. Dibattitu importanti ħafna f’dan ir-rigward
jitkellem fuq il-livell ta’ kontroll Uman fuq dawn is-sistemi u
l-implikazzjonijiet legali u umanitarji li dan iġib miegħu.
Kif wieħed
jista’ josserva, d-Diplomazija tax-Xjenza tgħin sabiex Malta tilħaq il-miri
politiċi tagħha; li tibbenefika mit-teknoloġija nukleari u li tappoġġja
il-kisba ta’ diżarm globali. Madankollu, d-Diplomazija tax-Xjenza hija ukoll
kruċjali fil-battalja kontra sfidi internazzjonali oħra bħal Governanza tal-Oċeani,
it-Terroriżmu Ċibernetiku, u t-Tibdil fil-Klima, li ġie msejjaħ ‘’ l-għerq
tal-isfidi tas-sigurtà kollha. ‘’


Matthew
Attard
Second Secretary
Global Issues – Disarmament, Nuclear Non-Proliferation, and Arms Export
Controls.