Malta u l-Agenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA)

Miktub Minn Matthew Attard, Data Ġun 11, 2020
 

Meta wieħed isemmi id-Diplomazija b’relazzjoni max-Xjenza Nukleari, l-ewwel ħsibijiet li jiġu f’moħħ l-individwu forsi huma immaġini ta’ laqgħat bejn Mexxejja ta’ Poteri Nukleari fi żmien ta’ tensjoni politika, ta’ Kapijiet tal-Istat jiffirmaw xi trattat dwar id-Diżarm, tal-Gwerra l-bierda, jew tal-armamenti Nukleari ta’ xi pajjiż jew ieħor. Għalkemm din it-tip ta’ ‘’Diplomazija Nukleari’’ tradizzjonali ffukata fuq l-aspetti Militari, tibqa kruċjali fix-xenarju politiku tal-llum il-ġurnata, il-komunità internazzjonali kull ma jmur dejjem qiegħda tenfasizza aktar fuq il-promozzjoni tal-użu paċifiku tal-enerġija u t-teknoloġija Nukleari. Din l-enfasi tintroduċina ma dimensjoni ġdida tad-Diplomazija relatata max-Xjenza Nukleari filwaqt li tressaq is-suġġett lil’hinn mill-affarijiet Militari u tlaqqaw ma’ dak tal-Iżvilupp Nazzjonali.


IAEA-article-2.jpg

Magħrufa bħala ‘’l-Għassiesa tal-Affarijiet Nukleari’’ tan-Nazzjonijiet Magħquda, l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) twettaq il-verifiki tagħha sabiex tagħmel żgur li Stati Membri ikunu konformi mal-obligazzjonijiet legali stipulati fi trattati internazzjonali, iġifieri li ma jagħmlux użu minn materjal, enerġija, u teknoloġija Nukleari għal skopijiet Militari. Madankollu, l-IAEA għandha kemm dimensjoni Politika u kemm waħda teknika.  Permezz tal-‘’Programm ta’ Kooperazzjoni Teknika’’, l-IAEA tittrasferixxi t-teknoloġija nukleari għal għand Stati Membri, u tgħinhom jindirizzaw il-miri tal-Iżvilupp Nazzjonali, jidentifikaw u jissodisfaw il-bżonnijiet futuri tal-enerġija, u jameljoraw s-sigurtà nukleari u radjoattiva madwar id-dinja. Lura fl-2012, in-natura dinamika u multidimensjonali tal-organizzazjoni u l-operat tagħha kienet saħansitra enfasizzata mid-Diplomatiku Ġappuniz u ex-Direttur Ġenerali tal-IAEA, il-mibki Yukiya Amano waqt is-sezzjoni plenarja tal-ftuħ tal-54 Konferenza Ġenerali tal-IAEA.

 

‘’Qed nipprova nibdel il-perċessjoni li l-Agenzija hi sempliċiment l-‘Għassies Nukleari’ għaliex dan ma jagħmilx ġustizzja mill-attivitajiet estensivi tagħna f’oqsma oħra, speċjalment fl-enerġija nukleari, l-applikazzjonijiet nukleari, u l-kooperazzjoni teknika. Din is-sena, qiegħdin niffukaw fuq il-kanċer, li hu s-suġġett prinċipali tal-Forum Xjentifiku li ser jiġi mniedi għada.’’


Malta ngħaqdet mal-Koperazzjoni Teknika fl-1999 u permezz tar-relazzjonijiet diplomatiċi eċċellenti tagħha mal-IAEA, dejjem assigurat li entitajiet Maltin u l-pubbliku ġenerali jibbenefikaw kemm hu possibli minn dan. Ta’ min wieħed jinnota li Malta iffirmat il-‘’Qafas ta’ Programm Nazzjonali’’ mal-IAEA fl-2018, ftehim li jiddeskrivi l-prioritajiet Maltin u pjan għal kooperazzjoni futura f’termini ta’ teknoloġija nukleari.


Għaċ-ċiklu kurrenti, il-proġetti nazzjonali li tagħhom intlaqaw proposti, ser jiffukaw fuq il-prioritajiet Maltin ta’ Qafas ta’ Sigurtà, s-Saħħa Umana, il-Wirt Kulturali, u l-Ilma u l-Ambjent, u ser jinkludu xiri ta’ għodda li tuża t-teknoloġija nukleari kif ukoll opportunitajiet ta’ taħriġ relatat. Billi jżomm f’kuntatt dirett mal-entitajiet Maltin pertinenti, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Ewropew, permezz tas-sezzjoni tad-Diżarm u n-Non-Proliferazzjoni, iħares l-iżviluppi fil-proġetti nazzjonali, jidentifika proġetti reġjonali ideali għall-partiċipazzjoni, u jassigura relazzjoni tajba u effiċjenti bejn l-IAEA u l-entitajiet Maltin. Dan isir ukoll permezz tal-partiċipazzjoni ta’ Malta fil-Konferenza biannwali għall-uffiċjali nazzjonali ta’ koordinazzjoni (National Liaison Officers’ Conference) u fil-laqgħat għall-istess uffiċjali u l-entitajiet nazzjonali ġodda.


IAEA-article-1.jpg

Filwaqt li l-iskop wara x-xogħol diplomatiku tal-Ministeru fid-Diżarm Nukleari forsi mhux wisq mifhum mill-pubbliku, x-xogħol mal-IAEA dwar it-teknoloġija nukleari jista jkun faċilment aktar apprezzat bħala diplomazija li tolqot il-ħajja ta’ kuljum ta’ kull wieħed u waħda minna.


U ta’ bilħaqq, il-programm kurrenti diga qed ikun ta’ benefiċju dirett għall-pubbliku Malti u għamel kisbiet importanti bħat-tfassil tal-Att legali dwar is-sigurtà nukleari u l-protezzjoni mir-radjazzjoni, x-xiri ta’ ‘’Bruker Artax 800 X-Ray fluorescence system’’ li tintuża mill-Aġenzija għall-wirt kulturali, għal analiżi mhux intrussiva ta’ pitturi antiki, u ‘’Gamma Camera’’ li qed tiġi użata biex issir dijanjosi ta’ pazjenti wara amministrazzjoni radjofarmaċewtika. 



Matthew Attard,
 Second Secretary, Global Issues