Is-Small Island
Developing States (SIDS) huwa grupp ta’
stati mferrxa madwar id-dinja, imma li, kif enfasizzat min-Nazzjonijiet
Magħquda (NM), jaqsmu sfidi komuni ta’ natura ekonomika u ġejografika li jfixklu
l-progress soċjo-ekonomiku tagħhom bħal, inter alia, swieq domestiċi
żgħar, iżolament ġejografiku, esposizzjoni għal diżażtri naturali u bijodiversita’ fraġli.
Malta kienet
ikkunsidrata bħala SIDS sa’ l-2004 meta saret membru tal-Unjoni Ewropeja
(UE) u bdiet tiġi rikonnoxxutha bħala pajjiż żviluppat. Malta stabilixxiet
relazzjonijiet bilaterali mas-SIDS u interaġixxiet magħhom fuq bażi
multilaterali permezz ta’ organizzazzjonijet bħan-NM, l-UE u partikolarment il-Commonwealth.
Malta tagħti importanza lir-relazzjonijiet tagħha mas-SIDS primarjament
għaliex temmen li sfidi komuni l-aħjar li jiġu ttrattati hu mill-pajjiżi
flimkien, u anke minħabba li, bħalhom, tappoġġja sistema internazzjonali
bbażata fuq ir-regoli.
Malta diġà stabilixxiet ruħha
bħala ċentru ta’ taħriġ biex tassisti lis-SIDS jibnu l-kapaċita’
f’diversi oqsma. L-Universita’ ta’ Malta u l-entitajiet affiljati tagħha
għandhom esperjenza twila permezz tal-IMO – l-Istitut Internazzjonali tal-Liġi
Marittima, l-Istitut Internazzjonali tal-Oċejani, u entitajiet oħra. Barra minn
hekk, mill-2018, Malta tospita il-Commonwealth Small States Centre of
Excellence li żviluppa soluzzjonijiet għall-bini tal-kapaċita’
speċifikament għas-SIDS. Affiljat direttament ma’, u appoġġjat minn,
il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, iċ-Ċentru qed jestendi
l-ambitu tal-proċess tal-bini tal-kapaċita’ biex jinkludi oqsma assoċjati
mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibli tal-NM kif ukoll dokumenti ta’ politika
għas-SIDS bħal SAMOA Pathway, l- Addis Ababa Action Agenda
u l-Mauritius Strategy for Implementation.
Ta’ min jgħid ukoll li f’Jannar
2020, Malta intagħżlet bħala Co-Chair tal-iSteering Committee on
Partnerships for Small Island Developing States tan-NM. Permezz ta’ din il-ħatra,
Malta ser tmexxi, fuq perjodu ta’ sentejn, dan il-proċess tal-NM li jappoġġja
lis-SIDS fl-implementazzjoni tas-SAMOA Pathway kif ukoll tal-Għanijiet
ta’ Żvilupp Sostenibli.