L-aċċess għall-ilma huwa sors
ta’ instabbilta’ u kunflitt kontinwi madwar id-dinja. Id-dinja moderna diversi
drabi kienet xhud tal-użu ta’ riżorsi u infrastruttura tal-ilma bħala arma ta’
gwerra f’kunflitti vjolenti. Ir-rwol tad-diplomazija tal-ilma huwa biex
jipprevjeni u jimmitiga dawn it-tensjonijiet biex isaħħaħ ir-rabtiet bejn
l-ilma, s-sigurta’ u l-paċi. Hi timmira biex tippromwovi l-immaniġjar tal-ilma
integrat u transkonfinali, kif ukoll governanza tal-ilma effettiva.
L-ilma għandu rwol
transsettorjali f’bosta politiki oħra bħas-sigurta’, id-drittijiet tal-bniedem,
il-bidle fil-klima, is-sigurta’ tal-ikel u l-enerġija. Għalhekk, l-ilma bħala
kwistjoni ta’ politika barranija teħtieġ approċċ integrat. Id-diplomazija
tal-ilma tidher b’mod regolari fuq l-aġenda tal-Ministri tal-Affarijiet
Barranin tal-UE, fejn ir-rabta bejn id-diplomazija tal-ilma u tal-klima huma
emfasizzati, kif ukoll l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030, b’erferenza
partikolari għal SDG6.
Il-ġeneru ukoll jilgħab rwol peress illi n-nisa huma meqjusa l-iktar affettwati
mill-iskarsezza tal-ilma. Għalkemm bosta kwistjonijiet ta’ kunflitt dwar l-ilma
jeħtieġu soluzzjonijiet politiċi, il-kooperazzjoni multilaterali hija
essenzjali biex tiffaċilita r-riċerka u soluzzjonijiet innovattivi, kif ukoll
biex tippromwovi sħubijiet fuq livell internazzjonali.

L-ilma ta’ sikwit jidher
fil-kuntest tad-diplomazija bilaterali ta’ Malta minħabba l-kompetenza
professjonali tagħna fl-immaniġġjar tal-ilma – din l-itess kompetenza qed
dejjem tikber ir-rilevanza tagħha fil-kuntest tad-diplomazija multilaterali
hekk kif qed naħdmu biex nippromwovu mmaniġġjar tal-ilma effettiv ġewwa fora
internazzjonali u reġjonali. Pajjiżna bħalissa huwa membru attiv tal-Grupp ta’
Ħbieb tal-Ilma ġewwa New York. Il-fora multilaterali huma pjattaformi
importanti sabiex aħna nkunu nistgħu naqsmu l-esperjenza u l-kompetenza tagħna,
partikolarment fil-kuntest tar-relazzjonijiet tagħna mal-gżejjer żgħar li qed
jiżviluppaw, peress illi dawn huma alleati importanti għalina fil-qasam
tal-klima u l-oċeani, kif ukoll stati kostali fl-Afrika u fil-Lvant Nofsani, u
f’reġjunijiet oħra fid-dinja fejn hemm skarsezza tal-ilma.
M. Micallef
Uffiċjal fi Skala
4