Id-diplomazija tal-Klima ta’ Malta

Miktub Minn M Micallef, Data Mej 18, 2020
 

Bosta jassoċjaw l-azzjoni dwar il-klima mal-politika nazzjonali. Għalkemm il-governanza tilgħab rwol vitali, il-politika barranija, permezz tad-diplomazija tal-klima, tilgħab rwol ugwalment importanti. In-netwerks li aħna, bħala diplomatiċi, nikkultivaw permezz tal-ambaxxati tagħna u permezz tas-sehem tagħna f’laqgħat reġjonali u internazzjonali jgħinuna nfasslu strateġiji tal-klima mirati għal pajjiżi u reġjuni differenti tad-dinja; l-istess strateġiji jgħinuna nsawru sħubijiet effettivi madwar id-dinja. Għarfien sod dwar il-ħidma ta’ Malta sabiex tilħaq il-miri tat-tibdil fil-klima huwa essenzjali. Għal dan il-għan, Malta tħaddan mudell uniku għaliex l-Ambaxxatur għall-Azzjoni favur il-Klima tagħna, il-Professur Simone Borg, tippresjedi ukoll il-Bord Nazzjonali għall-Azzjoni favur il-Klima. Dan jiżgura li l-azzjonijiet tagħna fuq livell internazzjonali jirriflettu l-prioritajiet tagħna bħala pajjiż.​ 



globu.jpg 
 

Monument li jfakkar l-Inizjattiva ta’ Malta dwar it-Tibdil fil-Klima fl-Universita’ ta’ Malta

Kreditu: Oleg M., Universita’ ta’ Malta​



Malta għandha reputazzjoni storika dwar l-azzjoni favur il-klima. Minn mindu saret il-proposta dwar il-klima fin-NU fl-1988, Malta baqgħet attiva permezz tad-diplomazija tal-klima fuq livell reġjonali fl-UE u fil-Mediterran, u fuq livell internazzjonali fin-NU u fil-Commonwealth. Is-sessjoni taċ-CHOGM li saret Malta fl-2015 kienet strumentali biex tagħti spinta lejn l-adozzjoni b’suċċess tat-Trattat ta’ Pariġi. Dan it-Trattat jibqa’ sal-ġurnata tal-lum il-qafas multilaterali indispensabbli għall-azzjoni favur il-klima. Politika universali ta’ involviment tas-soċjeta’ ċivili, żghażagh u l-intrapriża privata tikkomplementa dan it-Trattat.  Dan huwa bżonnjuż għaliex l-azzjoni favur il-klima m’hijiex politika awtonoma; din taffettwa aspetti essenzjali ta’ ħajjitna, tant li ġġib magħha trasformazzjoni tas-soċjeta’ tagħna. Il-kooperazzjoni internazzjonali hija essenzjali biex din it-trasformazzjoni tkun ta’ suċċess.

Il-kooperazzjoni internazzjonali tippreżentalna diversi xenarji. Dawk ta’ interess partikolari għalina huma l-iżviluppi fir-reġjuni tal-madwar (Afrika, Mediterrran), fl-Artiku, u żviluppi li jaffettwaw l-istati ż-żgħar. Hawnhekk aħna niltaqgħu ma’ numru ta’ sfidi relatati mad-drittijiet tal-istati u l-popli f’riskju minħabba t-tibdil fil-klima, id-dibattitu dwar jekk għandux jingħata d-dritt ta’ ażil minħabba t-tibdil fil-klima, l-effetti fuq l-ekonomiji kostali ta’ livelli ogħla tal-baħar, l-effetti tat-tibdil fil-klima fuq il-paċi u s-sigurta’, l-emfażi dejjem jikber fuq l-immaniġġjar sostenibbli tal-ilma u żviluppi oħra. Għalkemm aħna pajjiż żgħir, għandna ħafna x’noffru sabiex naqsmu metodi ta’ suċċess ma’ pajjiżi oħra u noffru tagħlim lil pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment stati gżejjer żgħar.

 

M. Micallef

Uffiċjal fi Skala 4