Saret kompetizzjoni globali, krudili u bla rażan – Il-multilateraliżmu falla?

Miktub Minn Cecilia Attard Pirotta, Data Apr 14, 2020
 

​​​​mondo.jpg

L-hekk imsejħa New Diplomacy, jew Id-Diplomazija l-Ġdida, li nħolqot permezz tal-organizzazjonijiet internazzjonali u l-konferenzi multilaterali, kif ukoll permezz tal-kuntatti diretti bejn il-mexxeja tal-pajjiżi; kienet maħsuba biex tissawwar pjattaforma ta’ operat ġdida bejn l-istati, kif ukoll bejn operaturi oħra fis-sistema dinjija. Meta l-multilateraliżmu beda jsir l-għodda ewlenija għall-immaniġġar ta’ din l-koperazzjoni internazzjonali ġdida, sar mezz globali biex naffaċċaw l-isfidi ġodda li bdew jevolvu u li ma jirrikonoxxu la fruntieri u lanqas preġudizzi.

Iżda hekk kif f’dawn l-aħħar ġimgħat, l-pajjiżi qegħdin jikkumbattu ma’ ‘għadu inviżibbli’, irrikorrrew għal kompetizzjoni dinjija, kiefra u bla rażan għal tagħmir mediku. Kull sforz għall-ksib tal-provisti mingħand fornituri barranin spiċċa falliment totali. L-ordnijiet tax-xiri ġew ikkanċellati, jew mgħotija lil min ofra aktar; il-merkanzija sfat ikkonfiskata, u ntużaw ir-regolamenti tal-emerġenza ta’ żmien il-gwerra, biex tinżamm l-esportazzjoni ta’ tagħmir mediku.

B’konsegwenza tad-diżordni kbira li nħolqot mil-pandemija Covid 19, il-multilateraliżmu għallimna li id-diplomazija multidimensjonali u l-kooperazzjoni internazzjonali, huma għodod kruċjali biex jinstabu s-soluzzjonijiet; imma iżjed w iżjed, il-kooperazzjoni internazzjonali hi saħansitra essenzjali biex tiżgura l-akkwist ta’ tagħmir u materjali mediku.

Mis-sitwazzjoni mħawda tal-mument, ħareġ ċar li filwaqt li fl-immaniġġar tar-relazzjonijiet diplomatiċi ta’ kuljum, nistgħu nimxu mar-regolamenti stabbiliti; fi kriżi internazzjonali meta is-sitwazzjoni titħawwad, jeħtieġ li ngħaġixxu b’ħeffa kbira. Dawn laħħar ġimgħat urewna li meta jkun hemm tħeddid mhux mistenni u realtajiet imprevedibbli, valuri kruċjali jikkawżaw diżorni fir-relazzjonijiet internazzjonali, u l-partijiet ikkonċernati jibdlu u saħansitra joħolqu dubji fuq l-għeruq tad-diplomazija multilaterali. Il-valuri dinjin f’daqqa waħda isiru għal kollox irrelevanti.

Il-Multilateraliżmu falla? Qegħdin nissugraw li immoru lura għall-Uniteraliżmu, jew għall-Old Diplomacy?

Jew għandna nazzardaw nittamaw li titfaċċa mewġa ġdida ta’ kooperazzjoni internazzjonali, bħal dik li rajna wara it-tieni Gwerra Dinjija?

 

Cecilia Attard-Pirotta

Ambaxxatur – Tel Aviv​