It-Theddid Ibridu u d-diżinformazzjoni: il-pandemija tal-COVID-19

Miktub Minn Dorian Farrugia , Data Lul 21, 2020
 

It-theddid ibridu u d-diżinformazzjoni mhumiex fenomeni ġodda fid-dominju tas-sigurtà tal-lum. Madankollu, konsegwenza tal-imxija tal-pandemija tal-COVID-19, u l-iżvilupp rapidu tal-evoluzzjoni tad-dinja ta’ madwarna, serje ta’ theddid ieħor inqas prominenti, beda jieħu prominenza fid-dominju tas-sigurtà. It-theddid ibridu u d-diżinformazzjoni huma żewġ eżempji ta’ dan, flimkien ma’ attivitajiet malizzjużi ċibernetiċi.

Fil-qosor, it-theddid ibridu jirreferi għall-attakki wiesgħa u kumplessi fuq il-governanza, fejn firxa wiesgħa ta’ miżuri, bħal attakki ċibernetiċi u diżinformazzjoni, huma applikati għall-kampanji ibridi mmirati sabiex ifixklu servizzi kritiċi, idgħajfu l-fiduċja pubblika f’istituzzjonijiet governattivi u jisfruttaw vulnerabbiltajiet soċjali. Mill-banda l-oħra, id-diżinformazzjoni hija komponent ewlieni fil-fenomenu tat-theddid ibridu, fejn iseħħ it-tixrid ta’ aħbarijiet foloz, immirat lejn utenti vulnerabbli jew riċettivi għal perċepità ta’ nuqqas ta’ sorsi affidabbli. B’hekk, dawn is-sorsi tal-aħbarijiet mhux affidabbli, għandhom it-tendenza li jsaħħu wħud mill-kunċetti u t-twemmini mfassla minn qabel tal-utenti li jistgħu jikkontribwixxu għad-destabbilizzazzjoni potenzjali tas-soċjetajiet. 

Illum il-ġurnata, ninsabu mdawwrin b’informazzjoni mhux kompluta, informazzjoni qarrieqa, diżinformazzjoni, u anke informazzjoni żejda. Matul il-kriżi attwali tal-COVID-19, id-dinja mhux biss qed tesperjenza t-tifqigħa ta’ pandemija globali, imma wkoll qed tesperjenza tifqigħa ta’ informazzjoni abbundanti, fejn kemm aħbarijiet preċizi u anke foloz, ipproliferaw madwar id-dinja bil-ħsieb li jaqsmu informazzjoni dwar dan il-virus, l-orġini u l-effetti tiegħu, kif ukoll dwar l-azzjoni tal-awtoritajiet li qed jintużaw biex jindirizzaw il-pandemija. B’konsegwenza, dan għamilha diffiċli għan-nies biex isibu sorsi affidabbli u l-gwida li għandhom bżonn. Din il-proliferazzjoni ta’ informazzjoni wasslet għall-għoti tat-terminu “infodemiku” mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

Fl-Unjoni Ewropea (UE), bosta Stati Membri kienu qed jirrappurtaw problemi rigward it-tixrid tad-diżinformazzjoni, fejn kampanji ta’ diżinformazzjoni kkoordinati u kampanji ta’ theddid ibridu, li oriġinaw mill-istati u minn atturi appoġġjati mill-istat, fittxew li jisfruttaw il-kriżi tas-saħħa pubblika biex javvanzaw l-interess ġeopolitiku tagħhom, bosta drabi permezz ta’ sfida diretta lejn il-kredibiltà tal-UE u l-imsieħba tagħha.

F’Malta, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, irrikonoxxa u approva t-theddida maħluqa mid-diżinformazzjoni u t-theddid ibridu, u qed jieħu sehem f’diskussjonijiet trans-amministrattivi kkoordinati u komprensivi fuq it-theddid ibridu, sabiex jiżgura li l-Istati Membri tal-UE jibbenefikaw kemm jista’ jkun mill-kooperazzjoni fi ħdan din l-Unjoni, u sabiex itejbu il-kapaċità tagħhom li jiġġieldu t-theddid ibridu u d-diżinformazzjoni.

Bla dubju, it-tixrid tad-diżinformazzjoni dwar il-COVID-19 għandu l-potenzjal ta’ konsegwenzi ta’ ħsara li jistgħu jikkontribwixxu għal destabilizzazzjoni, jekk mhux idgħajjef soċjetajiet sħaħ. Il-fehim tat-theddid, l-iżvilupp ta’ tweġibiet u l-qsim tal-għarfien, issa huma importanti sabiex jinstabu approċċi komprensivi li jindirizzaw it-theddid ibridu u d-diżinformazzjoni.

Bla dubju, l-Informazzjoni falza, l-isfiduċja u l-paniku se jkomplu jiżdiedu, qabel ma jkun hemm miżuri ta’ kontroll xierqa fis-seħħ. Sabiex titnaqqas il-proliferazzjoni tad-diżinformazzjoni, ir-responsabbilità taqa’ fuqna ċ-ċittadini, billi sempliċement naħsbu qabel niklikkjaw u nirriflettu fuq il-konsegwenzi qabel ma nxerrdu l-informazzjoni fuq l-pjattaformi tal-midja soċjali tal-lum.​ 

 1.jpg