Politika Barranija Li Sservi

Miktub Minn Ambaxxatur Dr. John Paul Grech, PhD, Data Apr 27, 2020
 
A Lasting Foreign Policy.jpg

Matul l-istudji tiegħi fid-diplomazija f’Oxford, l-Ingilterra, fi tmiem is-snin tmenin, niftakar ċar, u b’ċertu sens ta’ nostalġija, il-kliem tal-Professur Antony Kirk-Greene, mill-Kulleġġ ta’ St. Antony, li bit-ton  inimitabbli, imperjali tiegħu (huwa serva  bħala Segretarju tal-Istat Ingliż għall-Kolonji bejn 1950-60), darba waħda,  wara nofsinhar kiesaħ,  iddikkjara hekk: ‘‘Tistgħu tibdlu l-mexxeja tagħkom, tistgħu tibdlu l-gvernijiet tagħkom, iżda qatt ma tistgħu tibdlu l-istorja, il-ġografija w l-ġirien tagħkom.  Dawk tridu titgħallmu tgħixu magħhom.’


Nistqarr li din tibqa memorja kemmxejn dgħajfa, filwaqt li ninsab persważ li kliemu kien ferm aktar elokwenti minn dak li rnexxhieli nħarbex hawn.  Iżda kliemu baqgħu stampati f’moħħi għax kont persważ, saħansitra f’dak l-istadju bikri, li kienu seminali.  Kien żmien, meta qisu f’ħakka t’għajn, l-Unjoni Sovjetika bdiet tiġġarraf, il-Komuniżmu fl-Ewropa beda jisfaxxa, il-Ħajt ta’ Berlin kien qiegħed jitkisser, biċċa biċċa w l-libertà kienet qiegħda  tirritorna fil-Lvant tal-Ewropa.  Kien żmien meta fl-ibħra tempetużi ta’ Malta, f’Diċembru tal-1989, laqgħa għolja bejn l-Istati Uniti tal-Amerika w l-Unjoni Sovjetika, kienet qiegħda tidfen il-Gwerra Bierda, darba għal dejjem.


Tul is-snin, bqajt nżomm f’moħħi r-rilevanza ta’ dawk it-tlett pilastri w s-sinifikat fundamentali tagħhom, bħala punti ċentrali fit-tfassil ta’ politika barranija sana u sostenibbli għall-Gżejjer Maltin.


Bħala pajjiż Ewropew f’nofs il-baħar Mediterran, Malta tibqa stat-gżira bi sfond marittimu, b’identità u kultura Ewro-Mediterranja, li tħossha qrib tad-dinja Għarbija u li ssib ruħha, kważi b’destin, sabiex isservi bħala koagulatur tad-djalogu u lok fejn jseħħ dibattitu internazzjonali.  Ma kienx b’kumbinazzjoni li sa mill-Indipendenza tagħha, Malta bir-raġun assumiet ir-rwol li tqajjem għarfien lejn liġi li tirregola l-ibħra u l-użu tagħhom;  theddid għas-sigurtà fir-reġjun tal-Mediterran; l-impatt tat-tibdil fil-klima; il-bżonn li jitwaqqaf djalogu effettiv bejn l-Unjoni Ewropea w l-Lega Għarbija, kif ukoll il-ħolqien ta’ politika globali ta’ migrazzjoni sostenibbli u orjentata lejn il-futur, biex insemmu ftit mill-inizjattivi li tniedu tul is-snin.  Dawn l-inizjattivi kollha oriġinaw, donnhom bħal għejjun t’ispirazzjoni, mill-istorja, il-ġografija w r-relazzjonijiet ta’ pajjiżna mal-ġirien tagħna – prinċipji u twemmin  bażiċi ta’ politika barranijia li baqgħu sodi u konsistenti tul il-milja tas-snin, anke saħansitra wasslu sabiex ġew maqbula, b’kunsens, fil-Parlament Malti.


Minkejja ċ-ċokon tagħna w n-nuqqas ta’ riżorsi naturali, rawwimna reputazzjoni ta’ pajjiż li jfittex li jaġixxi proattivament, fl-istitutuzzjonijiet multilaterali, sabiex jiġi promoss il-ġid komuni, sabiex jintlaħaq ftehim aktar fejjiedi bejn il-ġnus, konvinti li fi ħdan l-ispazju protett tad-djalogu, l-komunità internazzjonali tista tikber, tista taħdem flimkien b’mod inklussiv, tista tibqa miftuħa għall-perspettivi differenti, tippromovi t-tolleranza u li qatt ma tieqaf twessa l-orizzonti. Dan kollu ma nwettquhx fil-għama jew ġewwa vakum, imma għaliex l-istorja w l-ġografija tagħna jġiegħluna naġixxu, fil-kuntest tar-relazzjonijiet tajba mal-ġirien tagħna, bi skop unit, fuq livelli bilaterali, reġjonali kif ukoll internazzjonali.


Il-valur aġġunt tagħna jinstab fil-kisbiet tagħna bħala destinazzjoni ta’ tolleranza, ta’ swieq miftuħa, ta’ talenti u ħiliet, ta’ riżorsi umani mħarrġa, ta’ ġmiel naturali kif ukoll wirt kultutrali li żejnietna bih l-istorja.  Il-vokazzjoni tagħna għall-futur tibqa dik li nippromwovu, fuq kollox u bħalma dejjem għamilna, l-valur uman, l-standards, id- djalogu internazzjonali, id-diversità fl-aspetti wiesgħa tagħha, l-ekonomija diġitali kif ukoll prodott turistiku kulturalment rikk u kkaratterizzat mill-ospitalità.


Filwaqt li rridu nassiguraw rwieħna li nibqgħu żvelti u lesti li naħtfu opportunitajiet ġodda, irridu ukoll, fl-istess ħin, nikkonsolidaw rwieħna mal-pajjiżi ġirien tagħna bħala sieħba ta’ fiduċja u ta’ min jorbot fuqna.


Ambaxxatur Dr. John Paul Grech, PhD