Għandi pjaċir nilqagħkom f’dan is-sit elettroniku tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, li ġie ddisinjat biex jintroduċi lill-viżitatur l-ewwel u qabel kollox mal-politika barranija tal-Ministeru u fl-istess ħin jinforma lill-viżitatur b’tagħrif li għandu impatt mill-qrib mal-funzjonijiet tal-Ministeru.
Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej iservi bħala tieqa fuq id-dinja. Iż-żmien qasir li ili f’dan l-uffiċċju s’issa għallimni li biex tistabilixxi relazzjonijiet bilateral u multilaterali mar-reġjuni kollha fid-dinja huwa importanti daqs kemm huwa importanti l-ispirtu kollaborattiv għall-integrità, prosperità u stabbiltà. Dan hu aktar ċar u sinifikanti fid-dawl ta’ sħubija fl-Unjoni Ewropea. Sa mill-2004, Malta dejjem ġibdet ir-rispett u l-għarfien mhux biss tal-istati membri imma wkoll tal-bqija tad-dinja. Malta llum hija fuq quddiem nett u tilgħab parti ewlenija fl-affarijiet barranin. Illum Malta tista’ tagħmel pressjoni mhux biss fuq livell Ewropew iżda wkoll fix-xena internazzjonali.
Il-politika barranija tagħna hija bbażata fuq sistema ta’ valuri sodi. F’dan ir-rispett, aħna dejjem żammejna mal-valuri u prinċipji waqt li konna qed infasslu u nimplimentaw il-politika domestika tagħna.
Aktar minn hekk, aħna tlaqna minn perspettiva ċara, reali fil-politika barranija tagħna: prinċipji fundamentali u li ma jitheżżux, ħbiberija mal-pajjiżi ġirien tagħna, rispett għas-sovranità u determinazzjoni, rispett għal-liġi internazzjonali, l-appoġġ għall-koperazzjoni bejn il-pajjiżi u ninkoraġġixxu l-opportunitajiet għad-djalogu.
Dan juri it-twemmin tagħna li l-argumenti jridu jiġu solvuti fi spirtu ta’ ftehim u b’mod ċivilizzat biex il-paċi u l-istabbiltà tkompli tikber fir-reġjuni kollha tad-dinja. Aħna magħqudin u impenjati għall-ordni fid-dinja, għall-kobor ekonomiku u stil ta’ ħajja aħjar għall-bnedmin kollha fid-dinja. Din il-politika tejbet ir-relazzjonijiet pożittivi mal-pajjiżi kollha fid-dinja u saħħet l-isforzi tagħna biex nikkoperaw ma’ pajjiżi oħra fid-dinja biex terġa’ tiġi fis-seħħ l-istabilità f‘pajjiżi meqruda bil-gwerer, neqirdu il-faqar u nipprovdu għajnuna umanitarja fi spirtu ta’ fratellanza, ħbiberija u koperazzjoni kostruttiva.
Illum id-dinja għandha numru kbir ta’ sfidi li jiġu fuqna għall-għarrieda. li jinħtieġu sforz unanimu. Illum id-dinja qed tiffaċċja gwerer ċivili, faqar estrem, tidbil fil-klima, migrazzjoni illegali, perikli ambjentali, nuqqas fil-provisti tal-enerġija u terroriżmu. Illum Malta mhix weħidha quddiem dawn in-numri kbar ta’ ostakli li jidhru li ma jistgħux jintrebħu. Malta hija magħquda mal-bqija tal-istati membri tal-Unjoni Ewropea u l-bqija tad-dinja fi sforz waħdieni biex jinstabu s-soluzzjonijiet. Problemi dinjija, jinħtieġu soluzzjonijiet dinjija.
Nittama li żżuru dan is-sit regolarment, u li jipprovdilkom aħbarijiet u tagħrif utli.