Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej jixtieq jinnotifika lill-pubbliku li mistoqsijiet
għal informazzjoni dwar jekk ċittadin Malti jeħtieġx viża biex jidħol f’pajjiż/i li dan ikun jixtieq iżur
għandhom jintbagħatu jew b’email fuq consular.mfea@gov.mt jew inkella isiru
b’telefonata fuq in-numri 22042313 jew 2204 2331 matul il-ħinijiet tal-ftuħ
tal-Uffiċċju (dettalji fis-sezzjoni tal-Ħinijiet tal-Ftuħ aktar l-isfel).
Il-‘Visa Advisory Unit’ fi ħdan il-Consular Services Office (CSO)
tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej (MFEA) huwa punt ta’
referenza għal informazzjoni dwar jekk ċittadini Maltin jeħtieġux viża qabel
jivvjaġġaw lejn pajjiżi barranin.
Limiti tas-Servizz
Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin
u Ewropej mhux responsabbli għall-ħruġ ta’ viżi minn Stati barranin lil
ċittadini Maltin. Ir-rekwiżiti tal-viża għaċ-ċittadini Maltin li jsiefru huma
dejjem suġġetti għal bidliet mill-awtoritajiet rispettivi tal-pajjiżi barranin.
Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej jipprovdi dik l-informazzjoni
biss li hija disponibbli għalih fil-mument tal-preżentazzjoni tal-mistoqsija.
Għaldaqstant l-informazzjoni relatata mar-rekwiżiti tal-viża li tinsab f'dan
id-dokument hija biss waħda indikattiva, u tinħareġ biex tassisti lid-detenturi
ta’ passaport ordinarju Malti. Il-Ministeru m’għandux jinżamm responsabbli għal
kwalunkwè varjazzjoni fl-informazzjoni pprovduta. L-applikant għandu d-dritt u
kull opportunità li jerġa’ jiċċekkja r-rekwiżiti dwar viżi għal pajjiżi
barranin indipendentament minn dan is-servizz. Hija wkoll ir-responsabbiltà
tal-applikant li jiżgura li l-mistoqsijiet tiegħu/tagħha jiġu sottomessi sew
qabel id-data skedata għat-tluq minn Malta, idealment mhux inqas minn erba’ (4)
ġimgħat qabel ma’ wieħed ikun beħsiebu jsiefer. L-informazzjoni għandha wkoll
tiġi iċċekkjata eqreb lejn id-data tat-tluq minn Malta, meta Malti jkun
beħsiebu jivvjaġġa lejn pajjiżi li normalment ma jirrikjedux viża għal
detenturi ta’ passaport ordinarju Malti.
- Għal informazzjoni
dwar liema pajjiżi u taħt liema ċirkostanzi
ċittadini Maltin ma jeħtieġux Viża, iklikkja hawn.
- Għal informazzjoni
dwar liema pajjiżi u taħt liema ċirkostanzi ċittadini Maltin jeħtieġu Viża, iklikkja hawn.
- Għal istruzzjonijiet dwar
Viżas u proċeduri għall-uffiċjali pubbliċi Maltin li jistgħu jintalbu
jivvjaġġjaw fuq xogħol uffiċjali barra miż-żona Schengen tal-Unjoni Ewropeja, iklikkja hawn. (Istruzzjonijiet)
- Maltin li
jeħtieġu informazzjoni dwar kif ċittadini barranin jistgħu jirċievu
Viżi lejn Malta għandhom jikkuntattjaw lis-‘Central Visa Unit’
(CVU) fi ħdan ‘Identity Malta Agency’. Għal aktar
informazzjoni, ikklikkja hawn.
Ħinijiet tal-Ftuħ
Il-ħinijiet
tal-ftuħ tagħna huma mit-Tnejn sal-Ġimgħa.
Bejn l-1 ta' Ottubru u l-15 ta' Ġunju:
08:30 - 12:00
14:00 - 16:00
Bejn is-16 ta' Ġunju u t-30 ta' Settembru:
08:00 - 12:00
Għal aktar
informazzjoni, ġentilment wieħed jista’ jikkuntattjana fuq +356 2204 2313.
Għal feedback jew ilmenti
Is-sodisfazzjon
sħiħ tiegħek huwa essenzjali għalina.
Aħna
nittrattaw ir-reazzjonijiet tiegħek b'mod kunfidenzjali u nużawha biex intejbu
s-servizz. L-ilment tiegħek jiġi rikonoxxut fil-pront u nagħtuk tweġiba fi
żmien ġimgħatejn mid-data li nirċievu l-ilment.
Jekk tixtieq
tressaq ilment, l-aħjar huwa li l-ewwel titkellem direttament mal-persuni li
servewk għal kwalsiasi kjarifika. Jekk tibqa’ mhux sodisfatt bir-riżultat, int
ġentilment mistieden iċċempel fl-uffiċċji tagħna fuq in-numru indikat hawn fuq
biex tiddiskuti l-ilment tiegħek, jew billi tibgħatilna e-mail fuq consular.mfea@gov.mt jew
billi twassal l-ilment tiegħek permezz tal-posta indirizzata lil:-
Consular Services Office
Visa Advisory Unit
Direttorat għas-Servizzi Konsulari u
Maltin li jgħixu Barra
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u
Ewropej
18, Triq Żakkarija,
Valletta VLT 1133
© Gvern ta’ Malta