Pariri Dwar Vjaġġar

Introduzzjoni

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej joffri pariri dwar vjaġġar fuq is-sit elletroniku tiegħu biex il-pubbliku ġenerali jkun infurmat dwar xi kundizzjonijiet eżistenti barra minn Malta li jistgħu jaffettwaw is-sigurta’ ta’ ċittadini Maltin li qed jivvjaġġaw, jaħdmu jew jgħixu barra. 


X’inhu l-Parir dwar Vjaġġar?

Parir dwar vjaġġar jagħti tagħrif dwar is-sigurta’ f’pajjiżi partikolari. Huwa maħruġ fuq bażi ta’ żviluppi dwar is-sigurta’ madwar id-dinja. Il-pariri dwar vjaġġar huma riveduti u aġġornati skont tibdil fil-livell ta’ riskju għaċ-ċittadini Maltin. 

Il-Pariri dwar vjaġġar huma kategorizzati f’livelli differenti skont valutazzjoni globali tas-sigurta’ fuq il-post fil-pajjiż ikkonċernat. Għalhekk jista’ jkun hemm livelli differenti ta’ sigurta’ għal reġjuni differenti fl-istess pajjiż. 


B'effett mill-15 ta' Lulju 2020, skont AL 290 tal-2020 -Projbizzjoni tal-Ivvjaġġar (Estensjoni għall-Pajjiżi kollha) (Emenda Nru. 4)Ordni 2020, ivvjaġġar lejn u mill-pajjiżi li ġejjin se jkun permess:

 

L-Awstrija; Ċipru; Repubblika Ċeka; Id-Danimarka; L-Estonja; Il-Finlandja; L-Ungerija; L-Islanda; L-Irlanda; Il-Ġermanja; Il-Latvja; Il-Litwanja; Il-Lussemburgu; In-Norveġja; L-Italja; Franza; Is-Slovakkja; L-Isvizzera; Greċja; Kroazja; Spanja; Il-Polonja, ir-Renju Unit; Il-Belġju; Il-Bulgarija; L-Olanda; Il-Kanada, l-Awstralja, New Zealand, il-Korea t’Isfel, Andorra, Monako, San Marino, iċ-Ċina (inkluż Ħong Kong), il-Belt tal-Vatikan, ir-Rwanda, l-Urugwaj, is-Slovenja, il-Ġappun; Marokk; It-Tajlandja; It-Tuneżija; Il-Portugall; Ir-Rumanija; Libanu; L-Indoneżja; Emirati Għarab Magħquda; It-Turkija; Ġordan; Liechtenstein.

 

Dawk il-persuni li jkunu qattgħu mill-inqas ġimgħatejn f'wieħed jew aktar mill-pajjiż / i msemmija hawn fuq qabel ma jaslu Malta se jitħallew jivvjaġġaw mingħajr il-ħtieġa ta' ttestjar PCR jew kwarantina.

 

Iċ-Ċittadini Maltin biss li għandhom Karta tal-Identità Maltija valida, u dawk li għandhom permess ta’ residenza Malti huma eliġibbli biex jirritornaw f’Malta minn pajjiżi li mhumiex fil-lista tal-pajjiżi hawn fuq.

 

F’dan ir-rigward u sakemm l-imsemmi Travel Ban jibqa fis-seħħ iċ-ċittadini Maltin huma avżati kontra kull vjaġġar lejn pajjiżi li mhumiex fil-lista ta’ hawn fuq.

Hija r-responsabbiltà tal-vjaġġatur li jivverifika r-regolamenti tal-pajjiż minn fejn wieħed irid jgħaddi qabel ma jitlaq minn Malta.​


Attwalment wieħed jista’ jsib pariri dwar vjaġġar għall-pajjiżi li ġejjin: 
(Għafas fuq l-isem tal-pajjiż għal tagħrif iktar dettaljat) 


Dikjarazzjoni ta’ ċaħda ta’ responsabbilta’ legali

Il-pariri dwar vjaġġar maħruġa mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej huwa servizz ta’ gwida għall-pubbliku. Dan huwa ntiż sabiex jgħin liċ-ċittadini Maltin jieħdu deċiżjonijiet infurmati qabel isiefru barra l-pajjiż. Pariri dwar vjaġġar huma mogħtija kif inhuma, mingħajr garanzija espliċita jew impliċita li l-pariri dwar vjaġġar fuq dan is-sit elettroniku jkunu disponibbli l-ħin kollu jew f’kull ħin, u li t-tagħrif mogħti huwa komplut jew aġġornat f’kull ħin. 

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej ma jiħux u ma jistax jieħu deċiżjonijiet għaċ-ċittadini Maltin dwar jekk, meta u kif għandhom jgħixu, jaħdmu, jew fejn jivvjaġġaw. Id-deċiżjoni biex tgħix, taħdem jew tivvjaġġa barra hija personali u għalhekk il-Ministeru mhu responsabbli għall-ebda deċiżjoni f’dan ir-rigward. Iċ-ċittadini Maltin huma responsabbli għas-sigurta’ tagħhom infushom, partikolarment kull fejn hemm sitwazzjoni ta’ sigurta’ inċerta. 


Kif iżżomm ruħek aġġornat bil-pariri dwar vjaġġar

Ċittadini Maltin jistgħu iżommu ruħhom aġġornati bil-pariri dwar vjaġġar billi jsegwu l-pariri dwar vjaġġar fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej.


Malta Travel Point

Bil-ħsieb li jkun eqreb lejn iċ-ċittadini Maltin, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej nieda applikazzjoni fuq il-mowbajl bl-isem Malta Travel Point. Din l-applikazzjoni, li tista’ titniżżel b’xejn mill-App store jew Google play għandha l-għan li tinforma ċittadini Maltin li jkunu msiefrin dwar x’għandhom jagħmlu f’każ li jsibu ruħhom f’diffikultà. Il-Malta Travel Point hija sors siewi ta’ informazzjoni sempliċi u diretta, u hija aċċessibbli kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż. Għaldaqstant, jekk xi ħadd isib ruħu f’diffikultà waqt li jkun imsiefer kull m’għandu jagħmel hu li jikkonsulta mat-tagħrif provdut u jagħmel kuntatt skont kif meħtieġ sew jekk għandu bżonn servizz ta’ emerġenza fi sptar jew aċċess għal għassa tal-pulizija fil-viċinanzi, kif ukoll jekk irid jagħmel kuntatt ma’ xi rappreżentanza Maltija barra minn xtutna. Bis-saħħa ta’ din l-applikazzjoni, individwi jistgħu jaċċessaw in-numri tat-telefown li jkollhom bżonn fil-ħin meta l-aktar jeħtieġuhom. Din l-applikazzjoni tagħmel parti mill-firxa wiesgħa ta’ applikazzjonijiet tal-Gvern li jinsabu fil-Maltapps.
Indirizz
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej
Palazzo Parisio
Triq Il-Merkanti
Valletta, VLT 1171
Malta

Telefown
2124 2191

Fax
2123 6604

Imejl