Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo b’messaġġ fuq l-immigrazzjoni u s-sitwazzjoni fil-Mediterran

Numru ta' Referenza: 14042020, Data ta' l-Istqarrija : Apr 14, 2020
 
 

Filwaqt li fl-isptarijiet madwar l-Ewropa qed niġġieldu kontra l-kriżi tal-Coronavirus, minn naħa l-oħra qed tiżviluppa kriżi maġġuri oħra wara l-istess bieb tal-Ewropa.

 

Il-kunflitt fil-Libja ilu għaddej għal numru ta’ snin u l-pandemija tal-Coronavirus kompliet tiddeterjora s-sitwazzjoni. F’nofs dan kollu, hemm mijiet ta’ eluf ta’ immigranti f’sitwazzjoni iddisprata ħafna – qed naraw żieda f’attakki kontrihom u l-aċċess għal ikel, fejn jgħixu u kura qed jisparixxu.

 

Il-kampijiet ta’ detenzjoni tal-immigranti fil-Libja huma mimlija, u skond rapporti li nqisu li huma kredibbli s-sitwazzjoni hija waħda fejn eluf ta’ immigranti qed jaħarbu jew qed jingħataw permess li jitilqu minn dawn il-kampijiet.

 

F’dan il-kuntest tal-biża hemm l-ingredjenti kollha biex iseħħ diżastru umanitarju maġġuri, hekk kif nies iddisprati iħarsu lejn il-baħar Mediterran bħala l-unika tama tagħhom.

 

L-affarijiet qed isiru ħafna iżjed diffiċli minħabba li l-assistenza umanitarja fuq il-post qedgħha tonqos minħabba l-pandemija. Biex tkompli tikkomplika l-istorja, l-Italja u ftit wara Malta, għalqu l-portijiet minħabba li r-riżorsi kollha, speċjalment dawk mediċi u dawk li għandhom x’jaqsmu mas-sigurta’, qed jiġu allokati għal konteniment u t-trattament tal-pandemija tal-Coronavirus.

 

Fl-aħħar snin Malta salvat eluf ta’ nies u għamlet ferm aktar mill-obligi legali fil-kuntest ta’ salvataġġ. F’sitwazzjoni fejn id-domanda għas-salvataġġ ser tikber b’rata kbira minħabba numru dejjem jiżdied ta’ immigranti li jridu jaħarbu mill-Libja u li mill-banda l-oħra r-riżorsi tagħna huma sostenzjalment imnaqqsa, insibu ruħna quddiem diżastru.

 

L-unika għażla realistika u sostenibbli biex nevitaw kriżi umanitarja u nsalvaw il-ħajja ta’ irġiel, nisa u tfal hija li l-Ewropa tniedi missjoni umanitarja b’mod immedjat fil-Libja – bi provvista ta’ ikel, mediċini u apparat mediku għal Libjani u l-immigranti li jgħixu hemm.

 

Billi ntaffu u nnaqsu c-cirkostanzi diffiċli ta’ dawn l-immigranti nkunu qed noffru nċentiv biex jibqgħu fil-Libja minflok jirrikorru għal pass iddisprat li jirriskjaw ħajjithom fil-baħar Mediterran, fil-kuntest li l-għajnuniet ta’ salvataġġ huma limitati ħafna.

 

Din l-għajnuna Ewropea fil-Libja tnaqqas id-domanda għan-negozju inuman tat-traffikanti tan-nies, li qed japrofittaw mill-miżerja tal-aktar persuni iddisprati.

 

L-NGOs li qed iħeġġu lill-immigranti biex jitilqu illegalment għal-Ewropa f’dan il-kuntest iddisprat jgħamilhom parteċepi f’din it-traġedja umana.

 

F’dawn iċ-ċirkostanzi l-Gvern Malti qed jipproponi triq il-quddiem biex l-Unjoni Ewropea tikkonsidra u taġixxi – Missjoni umanitarja sostanzjali ser tkun qed tgħin lill-Libjani u lill-immigranti fil-Libja.

 

Din l-assistenza mill-Unjoni Ewropea trid tkun imminenti u sostanzjali – illum u mhux għada – u aħna qed nipproponu pakkett Ewropew ta’ mill-inqas €100 miljun f’ikel, għajnuna, mediċina u apparat mediku.

 

Dan m’huwiex żmien li nagħmlu l-affarijiet nofs kedda, Malta lesta li tilgħab rwol f’dan kollhu – u ser inkunu hemm biex naraw li din l-għajnuna umanitarja tasal fid-destinazzjoni tagħha.

 

Lesti wkoll li bħala pajjiż nassistu lill-Libja fix-xiri ta’ apparat mediku, li bħalissa ma tantx hu sempliċi biex issib, biex jingħata trattament ta’ saħħa fil-Libja.

 

Malta qed tipproponi din it-triq biex issalva l-ħajjiet illum, biex niġġieldu t-traffikanti tal-bnedmin u biex nevitaw traġedja umana milli sseħħ fil-baħar Mediterran.

 

L-Ewropa issa qed tiffaċċja kriżi eżistenzjali – m’huwiex iż-żmien tal-paroli, iżda huwa ż-żmien tal-azzjoni biex insalvaw il-ħajja tan-nies.

 

Malta lesta li tilgħab parti, iżda qed nagħmluha ċara ħafna li din l-isfida ta’ dimensjoni Ewropea titlob rispons ta’ daqs Ewropew. Jekk Malta ser titħalla waħidha tiffaċċja din il-kriżi sproporzjonata - nies, tfal, nisa tqal u vittmi ta’ stupru ser imutu.

 

Pajjiż b’popolazzjoni daqs ta’ belt Ewropea żgħira ma jistax jintalab li issolvi kollox hu, f’nofs pandemija, u wara snin ta’ żbalji u inazzjoni minn naħa ta’ pajjiżi Ewropej ġewwa l-Libja u fuq l-immigrazzjoni.

 

Jekk din l-għajnuna umanitarja urġenti ddum biex tasal jew ma tasalx ser ikun ifisser eluf ta’ nies f’kundizzjonijiet iddisprati, minghajr ikel u minghajr kura – fejn l-unika għażla li għandhom ser tibqa l-baħar.

 

Irridu ntaffu mill-pressjoni ta’ din il-kriżi u ma nħalluwiex tisplodi.

 

L-Unjoni Ewropea għandha tieħu azzjoni immedjata llum qabel issir katastrofi umana għada.​