Inservu lill-pajjiżna

Numru ta' Referenza: 10112020, Data ta' l-Istqarrija : Nov 10, 2020
 
Il-Missjoni tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej

Jisimna l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Ewropej. Jistgħu jinftehmu bħala ħidma dwar affarijet li jiġru barra u ‘l bogħod minn pajjiżna. Bil-maqlub. Dmirna hu li nservu lill-Maltin u lill-Għawdxin. F’pajjiżna stess u ‘l bogħod minn xtutna. Għandna Maltin u Għawdxin jgħixu barra mill-gżejjer tagħna kwazi daqskemm għandna jgħixu hawn. Dmirna li nservuhom.

Dmirna li fit-tfassil u fit-tħaddim tar-relazzjonijiet tagħna mal-bqija tad-dinja naħdmu biex nilħqu l-aktar qbil wiesgha li nistghu f’pajjizna.

Dmirna li nahdmu ma’ ministeri oħra u mal-imsieħba soċjali u s-soċjeta' ċivili għall-ġid komuni tal-poplu tagħna.​


Favur il-paċi mal-pajjiżi l-oħra

Dmirna li niżviluppaw rabtiet għall-ġid u fil-paċi mal-ġirien tagħna fl-Ewropa, fil-Mediterran, fl-Afrika u mal-akbar numru possibbli ta’ pajjiżi, anki dawk li jkollhom xi jgħidu ma' xulxin, biex ngħinu ntejbu l-ħajja tal-poplu tagħna. Ħidmietna hi mmexxija mill-valuri tan-newtralita', tal-politika favur il-paċi u d-diżarm u li ma nintużawx fil-gwerer kontra ħaddiehor u ma nidħlu fl-ebda alleanza militari ta’ pajjiżi oħra.

Fl-istess ħin in-newtralita' tagħna ma tfissirx indifferenza għal dak li qiegħed jiġri madwarna.

Fid-dinja tal-lum fejn il-mezzi ta’ komunikazzjoni għamluna ġirien ta’ kulħadd, dak li jiġri fil-bogħod u wisq iżjed fil-Mediterran malajr jaħbat ma’ xtutna.

Fil-ħidma tagħna rridu nużaw b’mod iżjed effettiv dawn il-mezzi.

Irridu nagħtu kas il-ħin kollu dak li qiegħed jiġri fil-bqija tad-dinja u kif dan jolqotna kemm fil-gżejjer tagħna u madwar id-dinja u nieħdu l-passi meħtiega.

Irridu nħarsu lilna nfusna minn forom ġodda ta’ attakki u aggressjoni bl-internet, minn invażjonijiet bla vapuri u ajruplani tal-gwerra. Naħdmu favur li fit-tilwim bejn il-pajjiżi jintużaw id-djalogu, ir-raġuni, il-ligi internazzjonali u mhux l-armamenti, il-qtil u l-ligi tal-ġungla.​


Biex intejbu l-għixien tal-poplu tagħna

Naħdmu ma’ ministeri oħra u mas-settur privat biex nattiraw aktar investiment u nkabbru l-kummerċ u ngħidu fl-isforzi ta’ azjendi Maltin barra minn xtutna biex jitkattar il-ġid u jinħoloq iżjed xogħol f’pajjiżna.

Nagħtu sehemna kontra t-terroriżmu, il-kriminalita' ekonomika internazzjonali bħat-traffikar tal-bnedmin, taż-żejt, tal-armi, tad-drogi u l-ħasil tal-flus.

Nagħtu sehemna biex insalvaw il-pjaneta tagħna mhedda mit-tibdil fil-klima.

Inservu ta’ pont biex tissaħħaħ ir-riċerka fil-qasam tas-saħħa u niffaċilitaw il-kuntatt bejn entitajiet Maltin u oħrajn internazzjonali f’dan is-settur biex ikollna soċjeta' Maltija aktar sana.

Nappoġġjaw il-promozzjoni tal-kultura, l-isport, l-ilsien Malti u t-talent lokali f’pajjiżi oħra u ngħinu biex ikun hemm koperazzjoni f’dawn l-oqsma ma’ pajjiżi ohra.

Nimpenjaw ruħna biex nagħmlu minn pajjiżna ċentru ta’ eċċellenza fil-qasam edukattiv. Dan billi nsaħħu r-relazzjoni bejn istituzzjonijiet edukattivi lokali u internazzjonali u ninkoraġġixxu investiment barrani fis-settur tal-edukazzjoni.

Nieħdu sehem f’ħidma tan-Nazzjonijiet Magħquda, tal-Unjoni Ewropea, il-Kunsill tal-Ewropa, l-Unjoni għall-Mediterran u tal-Commonwealth favur id-demokrazija, id-drittijiet umani u l-iżvilupp sostenibbli.

Naħdmu biex fl-Unjoni Ewropea niksbu kemm nistgħu fondi u nonfquhom bl-aħjar mod.

Inkunu attivi fit-tfassil tal-politika Ewropea u naħdmu ma’ pajjiżi sħabna biex l-Unjoni Ewropea tieħu d-direzzjoni li tkun ta’ ġid għalina.

Naħdmu biex ir-regolamenti Ewropej jippromwovu wkoll il-ġid nazzjonali tagħna biex iċ-ċittadini u l-kumpaniji Maltin igawdu mill-ġid u l-opportunitajiet tas-Suq Ewropew.


Favur id-djalogu u r-rispett

Naħdmu ma' pajjiżi oħra favur li nirrispettaw kulturi, razez, reliġjonijiet u ċiviltajiet differenti u nsibu modi kif ngħixu flimkien flok neqirdu lil xulxin. Ħafna mill-isfidi tal-lum bħall-emergenza tal-klima, is-sigurta', il-kriminalita' ekonomika internazzjonali, il-ħarsien tal-ligi internazzjonali, l-iżvilupp tal-ħiliet teknologiċi, il-ħarsien tad-drittijiet umani, l-immigrazzjoni, il-pandemija Covid-19, it-terroriżmu, it-tixrid tal-mibegħda u tal-aħbarijiet foloz u tagħrif żbaljat bl-internet, it-theddida mill-armi nukleari u armament ġodda robotiċi... huma bla fruntieri u l-ħidma dwarhom trid issir ma’ pajjiżi oħra għax l-ebda pajjiż ma jista’ jsib tarfhom waħdu. F’dinja fejn il-kbar u dawk b’saħħithom iridu jimponu lilhom infushom mhux faċli għall-pajjiż ċkejken jimxi dejjem fit-triq li taqbel għall-poplu tiegħu imma m’għandniex naqtgħu qalbna.

Fl-istess ħin nemmnu li nistgħu nħobbu lill-pajjiżna u lill-poplu tagħna bla ma nobogħdu jew nagħmlu ħsara lill-pajjiżi oħra u popli oħra.​


Inkunu xempju ta’ unur għall-pajjiżna

Wasalna fejn wasalna għax ta’ qabilna kellhom il-kuraġġ joħolmu u jaħdmu ghar-realta' li jagħmluna pajjiż indipendenti, repubblika, bla bażijiet militari, newtrali u membri tal-Unjoni Ewropea u li ngħixu f’demokrazija filwaqt li noħolqu l-ġid u x-xogħol għat-titjib tal-ħajja tal-poplu tagħna u dawk li jgħixu f’dawn il-gżejjer.

Fuq kollox bl-imġieba tagħna u bil-ħidma tagħna ngħollu ġieħ pajjiżna u naraw li l-kwalitajiet sbieħ tal-poplu tagħna jkunu magħrufa fil-bqija tad-dinja.​