Tliet ambaxxaturi tematiċi ġodda għal pajjiżna

Numru ta' Referenza: PR210250, Data ta' l-Istqarrija : Fra 04, 2021
 
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo ltaqa’ mat-tliet ambaxxaturi ‘tematiċi’ li nħatru riċentament, proprju Cecilia Attard Pirotta bħala Ambaxxatriċi għan-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, il-Professur Godfrey Baldacchino bħala Ambaxxatur għall-Gżejjer u l-Istati Żgħar, u l-Professur André Xuereb bħala Ambaxxatur għall-Affarijiet Diġitali.

Permezz ta’ dawn il-ħatriet, il-Ministeru jrid jindirizza realtajiet ġodda u jimxi parepassu mat-tranżizzjoni u l-iżvilupp kontinwu fir-relazzjonijiet internazzjonali. F’dan ir-rigward, l-ambaxxaturi mistennija jinkoraġġixxu u jinfluwenzaw id-dibattitu madwar il-kwistjonijiet u l-isfidi preżenti. 

Il-mandat tal-Ambaxxatriċi għan-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà (WPS) jinkludi l-għoti ta’ pariri lill-Gvern dwar politika domestika u barranija f’dan il-qasam partikolari, it-tisħiħ tad-dimensjoni nazzjonali tal-aġenda tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-WPS, u li tirrappreżenta lil Malta f’inizjattivi nazzjonali u internazzjonali li javvanzaw il-parteċipazzjoni tan-nisa fit-tkattir tal-paċi u s-sigurtà.

F’dan il-kuntest, Attard Pirrotta hija responsabbli mill-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, skont it-termini definiti fir-riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti 1325. Il-Pjan, li jenfasizza r-rwol importanti tan-nisa fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, jiffoka fost oħrajn fuq il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi inkluż f’pożizzjonijiet ta’ kmand, u l-prevjenzjoni ta’ kull forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru.

L-Ambaxxatur għall-Gżejjer u l-Istati Żgħar se jiffoka fuq it-tisħiħ tar-rwol ċentrali ta’ Malta f’dan is-settur. Il-Professur Baldacchino se jmexxi sforzi biex jiġu promossi l-interessi ta’ stati żgħar (u prinċipalment gżejjer) fl-arena internazzjonali, b’benefiċċji ċari kemm għall-politika barranija u kummerċjali ta’ Malta, kif ukoll għall-iżvilupp ekonomiku ta’ stati żgħar.

Huwa se jaħdem mill-qrib mal-Istitut tal-Gżejjer u l-Istati Żgħar (ISSI) tal-Università ta’ Malta, kif ukoll maċ-Ċentru ta’ Eċċellenza tal-Istati Żghar li huwa bbażat f’Malta, sabiex jippromwovi fost oħrajn opportunitajiet ta’ boroż ta’ studju f’dan il-qasam.

Il-Professur Baldacchino se joffri wkoll pariri lill-Gvern sabiex jiġu promossi l-interessi tal-istati żgħar, b’żieda fl-allokazzjoni Maltija mill-Fond għall-Iżvilupp ta’ Pajjiżi Barranin lil dawn l-istati, speċjalment permezz ta’ proġetti implimentati minn organizzazzjonijiet mhux governattivi dedikati għal ħidma fil-qasam tal-iżvilupp internazzjonali.

Bil-ħatra ta’ Ambaxxatur għall-Affarijiet Diġitali, Malta qed tibgħat sinjal importanti ħafna lill-ikbar kumpaniji multinazzjonali tad-dinja, kif ukoll l-istart ups u kumpaniji tat-tkabbir f’pajjiżna, li Malta mhix ambigwa fl-ambizzjoni tagħha li tikber bħala ċentru teknoloġiku globali.

Il-Professur Xuereb se jkun ibbażat f’Malta u minn fejn se jesponi l-potenzjal u l-opportunitajiet li joffri pajjiżna u jaħdem mal-Gvern biex jappoġġja kumpaniji Maltin li jridu jespandu l-operat tagħhom lil’hinn minn xtutna. Huwa se jmexxi wkoll l-impenn internazzjonali ta’ Malta biex tavvanza u tipproteġi l-interessi tas-sigurtà tal-politika nazzjonali u barranija ta’ Malta fit-teknoloġija ċibernetika u kritika.

Minister Evarist Bartolo together with the three newly appointed thematic Ambassadors