Il-gvern japoġġja kumpaniji bbażati f’Malta biex iżidu l-attività tagħhom fil-Golf

Il-gvern japoġġja kumpaniji bbażati f’Malta biex iżidu l-attività tagħhom fil-Golf

Numru ta' Referenza: PR211966, Data ta' l-Istqarrija : Nov 01, 2021
 
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo faħħar l-isforzi tal-kumpaniji bbażati f’Malta biex jaċċessaw swieq internazzjonali kbar, bħal dawk f’pajjiżi fir-reġjun tal-Golf.  Il-Ministru Bartolo qal dan fi żjara lill-kumpanija Foster Clark Products Limited li qed tespandi l-attività kummerċjali tagħha fil-pajjiżi tal-Golf.

Flimkien ma’ numru ta’ kumpaniji oħrajn Maltin, Foster Clark Products Ltd ipparteċipat regolarment f’Gulfood, l-akbar fiera fid-dinja tal-ikel u xorb li ssir kull sena f’Dubaj. Foster Clark Products Ltd tikkompeti mal-aqwa prodotti tal-ikel madwar id-dinja u tesporta l-prodotti tagħha f’43 pajjiż fl-Afrika u 15-il pajjiż fil-Lvant Nofsani, waqt li l-esportazzjoni totali tagħha hija mifruxa f’aktar minn 90 pajjiż madwar id-dinja.

“Huwa fid-dmir tagħna li kumpaniji bbażati f’Malta, bħal Foster Clarks Products Ltd., li jieħdu l-inizjattiva biex ikabbru l-attività tagħhom fil-Golf u lil hinn minnu u jkunu ta’ eżempju, nappoġġjawhom bi sħiħ,” qal il-Ministru.

Malta għandha rabtiet sodi ma’ pajjiżi fil-Golf u dan ikkontribwixxa għall-benesseri ekonomiku tal-pajjiżi kollha involuti. Bl-għan li jirrifletti d-determinazzjoni ta’ Malta li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi tagħha ma’ pajjiżi fir-reġjun tal-Golf, il-Ministru Bartolo żar u mexxa delegazzjonijiet lejn il-Baħrejn, l-Oman, il-Qatar, l-Arabja Sawdija u l-Emirati Għarab Magħquda matul din is-sena.

“Il-messaġġ fl-iskambji tiegħi mal-pajjiżi tal-Golf dejjem kien li huma jixtiequ jaraw aktar preżenza u impenn fir-reġjun mill-UE u l-istati membri tal-UE,” tenna l-Ministru, filwaqt li saħaq li Malta trid iżżid il-ħidma tagħha f’dan il-mument, partikolarment wara d-Dikjarazzjoni ta’ Al Ula aktar kmieni din is-sena, li wittiet it-triq għar-rikonċiljazzjoni u naqqset it-tensjonijiet fost il-pajjiżi tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf.

Sforzi biex jiġu żgurati relazzjonijiet ma’ pajjiżi fir-reġjun tal-Golf jinkludu l-ftuħ ta’ ambaxxata ġdida Maltija f’Doha aktar kmieni din is-sena, b’żieda ma’ dawk fil-Kuwajt, l-Arabja Sawdija u l-Emirati Għarab Magħquda.

Matul is-snin, Malta kkonkludiet diversi ftehimiet ma’ pajjiżi fir-reġjun bl-għan li tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-kummerċ u investiment f’numru ta’ setturi. Prova ta’ dawn l-inizjattivi hija ż-żieda fil-kummerċ bejn Malta u r-reġjun tal-Golf, kif ukoll it-titjiriet li tkomplew bejn Malta u l-UAE biex jiffaċilitaw l-iskambji kummerċjali mar-reġjun.​

Minister Evarist Bartolo visiting the Foster Clarks factory. 
Minister Evarist Bartolo visiting the Foster Clarks factory. 
Minister Evarist Bartolo in meeting with the company's management.