Is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, is-Sur Christopher Cutajar, jiltaqa’ mal-Imam Mohammed El Saidi u d-Direttur tal-Fergħa ta’ Malta tas-Soċjetà Dinjija tas-Sejħa Islamika, Adel Ali Elfituri Bayu

Numru ta' Referenza: PR202112, Data ta' l-Istqarrija : Ott 28, 2020
 
Is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, is-Sur Christopher Cutajar, iltaqa’ mal-Imam Mohammed El Saidi u d-Direttur tal-Fergħa ta’ Malta tas-Soċjetà Dinjija tas-Sejħa Islamika, Adel Ali Elfituri Bayu, fiċ-ċentru Islamiku ta’ Raħal Ġdid.
 
L-għan tal-laqgħa kien li jiġu diskussi dikjarazzjonijiet reċenti fil-midja b’reazzjoni għall-iżviluppi wara l-assassinju inaċċettabbli tal-għalliem Samuel Paty qrib l-iskola tiegħu f’Conflans-Sainte-Honorine, subborg ta’ Pariġi.
 
L-Imam Mohammed El Saidi tenna l-kundanna bla riserva tal-qtil fi Franza u ssottolinja l-ħidma tiegħu, għal aktar minn 40 sena, fost il-komunità Musulmana f’Malta, fejn hu dejjem kien favur it-tolleranza u l-paċi. Huwa apprezza d-dritt għal-libertà tal-espressjoni għal dawk li għandhom fidi differenti u wkoll għal dawk li għandhom opinjonijiet differenti.
 
Is-Sur Cutajar esprima apprezzament għall-ħidma tal-Imam fil-komunità u rrefera għall-‘Appell għall-Paċi’ ffirmat mill-Papa Franġisku u l-mexxejja reliġjużi tar-reliġjonijiet ewlenin tad-dinja, li nġabru f’Ruma fl-20 t’Ottubru 2020. Huwa saħaq li l-popolazzjoni f’Malta għaddiet minn trasformazzjoni mgħaġġla matul l-aħħar snin, u li storikament, Malta dejjem kienet u qed tkompli tilqa’ nies ta’ twemmin, kulturi u tradizzjonijiet differenti. Is-Sur Cutajar żied li huwa importanti li dan il-valur tat-tolleranza jkun rispettat minn kulħadd.
 
Kemm il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej kif ukoll il-Fergħa ta’ Malta tas-Soċjetà Dinjija tas-Sejħa Islamika japprovaw l-‘Appell għall-Paċi’ li fost valuri importanti oħra, iħeġġiġna biex ‘insiru artiġjani kreattivi tal-paċi’ billi nagħmlu ‘l-kultura tad-djalogu’ tagħna stess. F’dan il-kuntest, huma enfasizzaw l-importanza tar-rispett reċiproku għal kulturi differenti biex titjieb l-integrazzjoni u l-koeżistenza paċifika fis-soċjetà.​