Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej ikopri spejjeż marbuta ma’ operazzjoni umanitarja f’Bejrut

Numru ta' Referenza: PR201999, Data ta' l-Istqarrija : Ott 15, 2020
 
Wara l-isplużjoni devastanti li seħħet fl-4 ta’ Awwissu 2020 f’Bejrut, li ħasdet il-ħajja ta’ iktar minn 190 persuna, ħalliet aktar minn 4,000 persuna midruba u ġarrfet l-infrastruttura tal-belt kapitali Libaniża b’mod konsiderevoli, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej kopra l-ispejjeż marbuta ma’ titjira umanitarja lejn Bejrut fejn twasslu mal-45 tunellata ta’ prodotti mogħtija minn kumpaniji Maltin u mill-pubbliku ġenerali.

Il-ġenerożità tal-poplu Malti għamlet dan l-isforz possibbli u d-donazzjonijiet sussegwenti mlew Airbus A340-300 9H-SUN, liema ajruplan ingħata minn Hi Fly Ltd. L-operazzjoni umanitarja, li kienet idea tal-Kaptan Charles Pace mill-Avjazzjoni Ċivili, saret fil-25 ta’ Settembru 2020 wara talba għal donazzjonijiet fil-bidu ta’ Awwissu.

Fost il-merkanzija kien hemm ilbies mediku u sanitarju relatat mal-konteniment tal-COVID-19, ingwanti, prodotti tal-ikel, ħwejjeġ, ħrieqi għat-trabi u oġġetti essenzjali oħra, b’valur totali ta’ madwar €75,000.

Din l-inizjattiva hija riżultat tad-deċiżjoni pronta tal-Gvern ta’ Malta li jalloka €50,000 mill-baġit nazzjonali għall-Assistenza għall-Iżvilupp Uffiċjali, sabiex jgħin lill-poplu Libaniż f’dan iż-żmien kruċjali. B’hekk din kienet suċċess ieħor fost bosta inizjattivi umanitarji oħra meħuda mill-Gvern Malti din is-sena u xhieda tal-impenn attiv ta’ Malta fl-isfera umanitarja.

Il-ministeru jixtieq jirringrazzja lil kull min ikkontribwixxa b’mod ġeneruż għal dan l-att ta’ solidarjetà mal-poplu u mal-Gvern Libanu.​

Supplies being loaded on the place in Malta 
 Supplies being loaded on the humantarian flight for Beirut
 Potato sacks being loaded into the plane
 Supplies are loaded on the plane destined for Beirut
 Pallets with