Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej iniedi sejħa għall-ewwel Delegat taż-Żgħażagħ ta’ Malta fin-Nazzjonijiet Uniti

Numru ta' Referenza: PR202066, Data ta' l-Istqarrija : Ott 23, 2020
 
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo indirizza konferenza tal-aħbarijiet li mmarkat Jum in-Nazzjonijiet Uniti.
 
Fil-fatt, is-sena 2020 taħbat il-75 anniversarju mit-twaqqif tan-Nazzjonijiet Uniti. Matul is-snin, in-NU ripetutament serviet bħala sors ta’ tama u punt ta’ referenza għall-pajjiżi kollha.
 
Imwaqqfa immedjatament wara t-Tieni Gwerra Dinjija biex ‘issalva l-ġenerazzjonijiet ta’ wara mill-pjaga tal-gwerra’, b’mod ġenerali għamlet eżattament dan, filwaqt li sostniet l-iżvilupp ekonomiku u soċjali globali u l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem. Realtajiet ġodda u sfidi globali jeħtieġu li l-organizzazzjoni tkompli tittrasforma lilha nnifisha biex tibqa’ fiċ-ċentru tas-sistema multilaterali.
 
Fl-intervent tiegħu, il-Ministru Evarist Bartolo saħaq li l-isfidi globali, bħat-tibdil fil-klima, il-faqar, id-diskriminazzjoni, u l-pandemija attwali, jirrikjedu soluzzjonijiet globali u ma hemm l-ebda post aħjar fejn jinstabu tali soluzzjonijiet milli fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti.
 
Huwa fisser kif, proprju llum, dan l-irwol kruċjali kien esebit bl-aqwa mod f’Ġinevra fejn il-partijiet rivali fil-Libja ffirmaw ftehim ta’ paċi u kkommettew li jwaqqfu l-ġlied b’mod permanenti fir-reġjuni kollha tal-pajjiż. Dan jawgura tajjeb mhux biss għall-poplu Libjan li ilu tant ibati, iżda għall-komunità internazzjonali kollha u b’mod partikolari l-pajjiżi ġirien bħal Malta, li b’sodisfazzjon tilqa’ dan l-aħbar.
 
Waqt din il-konferenza ukoll, il-Ministru Bartolo nnota l-kontribut sostanzjali li ż-żgħażagħ jistgħu jagħtu għad-djalogu internazzjonali u, b’fiduċja soda fil-potenzjal tagħhom, nieda proċess ta’ għażla kompetittiva għall-ewwel Delegat taż-Żgħażagħ ta’ Malta fin-NU.
 
Id-Delegat taż-Żgħażagħ Maltin għan-Nazzjonijiet Uniti hija pożizzjoni maħluqa mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, frott l-impenn ta’ Malta bħala membru tan-Nazzjonijiet Uniti biex issaħħaħ il-parteċipazzjoni effettiva taż-żgħażagħ fis-soċjetà u fit-teħid tad-deċiżjonijiet.
 
Il-persuna magħżula mistennija tiddjaloga maż-żgħażagħ f’Malta u fin-Nazzjonijiet Uniti fi New York, virtwalment u personalment, fuq ix-xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti u kwistjonijiet internazzjonali, waqt li tgħolli l-vuċijiet taż-żgħażagħ fil-konverżazzjoni globali u b’hekk tirrifletti t-tħassib tagħhom.
 
Aktar tagħrif dwar din is-sejħa għall-applikazzjonijiet tinsab fuq il-websajt tal-Ministeru; https://foreignandeu.gov.mt/en/Pages/Home.aspx.
 
Biex jikkommemora l-75 anniversarju tan-NU, minbarra li nieda l-proċess ta’ għażla għal Delegat taż-Żgħażagħ ta’ Malta, il-Ministeru ppubblika wkoll ktejjeb għat-tfal fin-NU u qassam filmat kommemorattiv li jista’ jidher fuq il-websajt tal-Ministeru u l-pjattaformi tal-midja soċjali.​

Minister Evarist Bartolo addressing the press conference. 
Director General Neville Aquilina addressing the press conference.
Minister Evarist Bartolo addressing the press conference.
Minister Evarist Bartolo addressing the press conference.
Poster celebrating the 75th anniversary of the United Nations