Il-Kunsill dwar l-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea fi djalogu mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Palestina

Numru ta' Referenza: PR202323, Data ta' l-Istqarrija : Nov 19, 2020
 
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo pparteċipa f’laqgħa virtwali tal-Kunsill dwar l-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea li tratta l-qagħda fil-Lvant tal-Mediterran, il-migrazzjoni irregolari, u żviluppi fil-Lvant Nofsani. 

Fl-intervent tiegħu, il-Ministru Bartolo tkellem dwar is-sitwazzjoni fil-Libja u rrefera għall-aħħar żjara tiegħu fejn kellu diversi taħdidiet dwar il-proċess importanti li għaddej biex il-Libja tqum fuq saqajha. Huwa wissa li f’dan l-istadju bikri, wieħed għandu jkun realistikament kawt li għalkemm ninsabu qrib soluzzjoni permanenti, daqstant ieħor hija fraġli u huwa kbir ir-riskju li jikrolla kollox. 

F’dan il-kuntest, il-Ministru Bartolo appella lill-Unjoni Ewropea biex tagħti s-sehem attiv tagħha f’dan il-proċess b’rispett sħiħ lejn ir-rieda sovrana tal-poplu Libjan. Dan għaliex fi kliemu, kwalunkwe impożizzjoni ta’ ismijiet biex jokkupaw l-ogħla karigi fil-pajjiż żgur li se tfalli. 

Aktar tard, il-ministri kellhom l-opportunità jiddjalogaw mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Palestina Riad Malki li kien mistieden biex jindirizza l-laqgħa virtwali tal-Kunsill dwar l-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea. 

F’intervent f’isem Malta, in-Netherlands u l-Islovakkja, il-Ministru Bartolo qal li dan huwa ż-żmien opportun biex nieħdu kont tas-sitwazzjoni fir-reġjun, insaħħu r-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi u l-Unjoni Ewropea, u biex nimxu ‘l quddiem flimkien. 

Huwa żied jgħid li t-tliet pajjiżi jibqgħu kommessi favur is-soluzzjoni ta’ żewġ stati u dan f’konformità mar-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u fil-parametri tal-liġijiet internazzjonali. F’dan ir-rigward, Malta, in-Netherlands u l-Islovakkja kkundannaw l-okkupanzi illegali li qed jimminaw il-proċess tal-paċi, u qalu li n-normalizzazzjoni tar-rabtiet ma’ pajjiżi terzi m’għandhomx jippreġudikaw jew jissostitwixxu tali proċess tal-paċi.​