Diskussjonijiet fi Brussell dwar il-Libja

Diskussjonijiet fi Brussell dwar il-Libja

Numru ta' Referenza: PR211321, Data ta' l-Istqarrija : Lul 12, 2021
 
Fi Brussell, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo kellu laqgħa bilaterali mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Eġittu Sameh Hassan Shoukry, fejn iddiskutew numru ta’ kwistjonijiet bilaterali u reġjonali. Waqt din il-laqgħa, il-Ministru Bartolo enfasizza l-importanza li jkun hemm l-għaqda fil-Libja. Huwa qal li Malta hija favur Libja magħquda, li titmexxa mil-Libjani stess u għall-benefiċċju tal-Libjani kollha. Il-kwistjoni tal-immigrazzjoni irregolari tqajmet ukoll mill-Ministru Bartolo.

Il-laqgħa bilaterali saret fil-marġini tal-Kunsill tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin, fejn il-Ministri ddiskutew b’mod partikolari l-politika ġeografika ta’ teknoloġiji ġodda. Il-Ministru Bartolo qal li jeħtieġ li l-Unjoni Ewropea taħdem biex ikollha rwol prominenti f’dan il-qasam, filwaqt li saħaq fuq l-importanza li l-Unjoni Ewropea tkun kredibbli u promotur ewlieni u tassigura li l-iżvilupp f’dawn it-teknoloġiji jkun iffukat fuq il-bżonnijiet tal-umanità. Huwa saħaq ukoll li l-Unjoni Ewropea għandha twettaq dak li tgħid ħalli tkun aktar kredibbli. 

Dwar din it-tema, il-Ministru Bartolo qal li hemm bżonn li, “Jinstab bilanċ bejn l-approċċ ibbażat fuq id-drittijiet mal-bqija tad-dinja, u l-għajnuna li għandhom jingħataw kumpaniji Ewropej li jipprovdu talent li minnu jibbenefikaw il-pajjiżi kollha. B’dan il-mod, jiġi assigurat li kumpaniji ġodda jkollhom aċċess għas-suq malajr kemm jista’ jkun.”
 ​
 

Minister Evarist Bartolo with German Minister for Foreign Affairs Heiko Maas at the Foreign Affairs Council