Iffirmar ta’ ftehim bejn il-Gvern Malti u n-Nazzjonijiet Magħquda għal skola tas-sajf virtwali dwar il-protezzjoni tat-tfal u l-prevenzjoni ta' vjolazzjonijiet gravi kontra tfal f'konflitti armati

Iffirmar ta’ ftehim bejn il-Gvern Malti u n-Nazzjonijiet Magħquda għal skola tas-sajf virtwali dwar il-protezzjoni tat-tfal u l-prevenzjoni ta' vjolazzjonijiet gravi kontra tfal f'konflitti armati

Numru ta' Referenza: PR211295, Data ta' l-Istqarrija : Lul 08, 2021
 
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo ffirma ftehim għal skola tas-sajf virtwali dwar il-protezzjoni tat-tfal u l-prevenzjoni ta’ vjolazzjonijiet gravi kontra tfal f’konflitti armati mar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda għat-Tfal u Kunflitti Armati Virginia Gamba waqt ċerimonja ta’ ffirmar virtwali nhar il-Ħamis, 8 ta’ Lulju 2021.

Il-fażi pilota tal-iskola tas-sajf virtwali dwar il-protezzjoni tat-tfal u l-prevenzjoni ta’ vjolazzjonijiet gravi kontra tfal f’konflitt armat għandha tiġi organizzata u offruta bil-kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta fis-sajf tas-sena 2022, u għandha l-għan li tħejji s-sisien għall-istabbiliment għal skola tas-sajf virtwali state-of-the-art fil-protezzjoni tat-tfal f’konflitti armati għal individwi li jaħdmu f’dan il-qasam.

Ir-Rappreżentant Speċjali esprimiet sodisfazzjon għad-diskussjonijiet kollaborattivi u kostruttivi fuq bosta xhur li wasslu għall-iffirmar tal-ftehim u enfasizzat l-importanza internazzjonali ta’ dan il-proġett sabiex jiżdied l-għarfien prattiku dwar kif l-aħjar jiġu protetti t-tfal f’żoni ta’ kunflitt. Ir-Rappreżentant Speċjali espremiet ir-rieda  biex tikkopera mill-qrib mal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u mal-Università ta' Malta fl-organizzazzjoni tal-iskola tas-sajf virtwali.

Il-Ministru Bartolo saħaq li l-iffirmar jimmarka pass ieħor importanti fir-relazzjonijiet bejn Malta u n-Nazzjonijiet Magħquda. Malta kienet impenjata li tissalvagwardja d-drittijiet tat-tfal billi timmobilizza l-komunità internazzjonali biex tagħti prijorità lill-protezzjoni tat-tfal mad-dinja kollha, u t-Tfal u l-Konflitt Armat fil-fatt kienet tema ta’ prijorità għat-terminu ta’ Malta bħala membru mhux permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda għas-snin 2023-2024. Il-Ministru Bartolo qal li jħares ’il quddiem għal din l-opportunità biex jappoġġa lin-Nazzjonijiet Magħquda fil-ħidma siewja tagħha f’dan il-qasam u rringrazzja lill-Università ta’Malta, li r-rappreżentanti tagħha attendew iċ-ċerimonja tal-iffirmar, għall-koperazzjoni u għall-kontribut tagħhom lejn din l-inizjattiva.​

Photo of all local attendees for the signing. 
Minister Evarist Bartolo signing the agreement.