Messaġġ irrekordjat ta’ xewqat għall-Milied u għas-Sena l-Ġdida mill-Eċċellenza Tiegħu George Vella għall-Maltin li jgħixu barra

Numru ta' Referenza:  , Data ta' l-Istqarrija : Diċ 21, 2020
 
Official Portait President of Malta.jpg 

Għeżież Maltin u Għawdxin li tgħixu barra minn xtutna,

Hu ta’ pjaċir għalija, li għat-tieni sena konsekuttiva, qed nibgħat f’ismi, f’isem marti Miriam, u l-kumplament tal-Poplu kollu tagħna, l-isbaħ xewqat lilkom kollha, għall-Milied u s-Sena l-Ġdida.

Din is-sena kienet twila u diffiċli għalina lkoll. Tista’ tgħid kull wieħed mill-pajjiżi fejn tgħixu, inkluż Malta, ġie milqut mill-imxija tal-pandemija tal-COVID-19.

Ħafna minna esperjenzaw lockdowns twal. Xi wħud għadhom għaddejjin. Sfortunatament tlifna wkoll membri għeżież għalina u li tajjeb li nsellmu l-memorja tagħhom f’dan iż-żmien.

Żammejna ’l bogħod minn xulxin, mhux għax xtaqna, iżda bħala turija ta’ mħabba u rispett.

Għamilna sagrifiċċji, iżda tgħallimna wkoll.

Adattajna għaċ-ċirkostanzi. Rajna kif dawwarna dawn ir-restrizzjonijiet f’ġesti ta’ altruwiżmu u ta’ solidarjetà li fil-fatt qarrbuna aktar lejn xulxin.

F’dinja mgħaġġla, sibna l-ħin ukoll li nitkellmu aktar ta’ spiss.

Għarafna għalhekk, li d-distanza qatt ma kienet problema li tifridna. Sibna mezz kif inqattgħu sigħat nitkellmu, permezz tal-mezzi tat-teknoloġija moderna, meta f’ċirkostanzi normali ma konna qatt naħsbu li dan jista’ jkun possibbli.

Jiena nawgura li, meta din il-pandemija tispiċċa, nibqgħu nsibu l-ħin għal xulxin. Ċert li fi żmien fil-qrib, se nkunu nistgħu nerġgħu nżuru lil xulxin bla restrizzjonijiet. Sakemm naslu s’hemm, ibqgħu f’kuntatt ta’ spiss, speċjalment ma’ dawk li huma l-iktar fil-bżonn jew li jeħtieġu attenzjoni speċjali.

Naħsbu f’min anki fi żmien ta’ Festi, jinsab waħdu.

Dan huwa l-veru spirtu tal-Milied. Dan hu li dejjem spikka fil-karattru Malti. L-għaqda u l-imħabba lejn il-familja tagħna hu dak li vera jgħodd. Id-distanza qatt ma tista’ tibdel dawn il-valuri.

Nitlobkom għalhekk li meta tkunu qed iżżejnu s-siġra tal-Milied jew tarmaw il-presepju, iżżommu f’moħħkom il-familji u l-ħbieb tagħkom hawn Malta. Tajjeb li tipparteċipaw bis-sħiħ fit-tradizzjonijiet tal-pajjiż adottiv tagħkom, iżda żommu wkoll ħaj il-wirt Malti tagħkom.

Ibqgħu Maltin fi drawwietkom. Fejn tistgħu ħaddmu l-Malti u għallmuh lil uliedkom u n-neputijiet tagħkom.

Għalina intom tibqgħu dejjem parti mill-familja tagħna speċjalment f’dawn il-ġranet, għax inħossu n-nuqqas tagħkom magħna. Nittama li dawk li xtaqu jkunu Malta għall-Festi iżda li ma setgħux jivvjaġġaw minħabba r-restrizzjonijiet, ma jdumux ma jaqtgħu xewqithom u jkunu fostna f’qasir żmien.

Jien irrid nieħu din l-opportunità wkoll biex nirringrazzja lil dawk kollha fostkom, li waqt dawn iż-żminijiet diffiċli kienu minn ta’ quddiem sabiex jiżguraw is-saħħa u s-sigurtà tal-komunitajiet tagħkom. Jiena ċert li xogħolkom tagħmluh mingħajr interess u b’ħafna dedikazzjoni.

Għeżież ħutna,

Lilkom ilkoll, kif nagħmel mal-familji tagħkom f’Malta, ngħaddilkom messaġġ ta’ tama. Ejjew ilkoll insegwu d-direzzjoni maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa rispettivi sabiex inżommu lil kulħadd b’saħħtu.

Din li se tintemm kienet sena iebsa. Niftakru iżda li l-festa tal-Milied u t-tifsira kbira tagħha mhumiex imħassra jew imtappna, sakemm aħna stess nibqgħu nrawmu l-valuri tagħna ġewwa fina.

Jiena nagħlaq dan il-messaġġ billi ngħidilkom li intom fejn intom – aħna kburin bikom. B’dak li tagħmlu turu lid-dinja li l-kobor ta’ pajjiż ma jinsabx fid-daqs ġeografiku tiegħu, iżda fil-poplu tiegħu.

Jien nawgura lilkom u lill-familji tagħkom Milied hieni u mimli mħabba. Nixtiqilkom ukoll sena ġdida mimlija risq, hena u fuq kollox is-saħħa.

Insellmilkom.