Stqarrija mill-Gvern ta’ Malta

Numru ta' Referenza: PR200928, Data ta' l-Istqarrija : Mej 15, 2020
 
Il-Gvern ta' Malta jieħu nota tar-rapport ippubblikat illum minn Le Monde intitolat: 'Espionnage: les ombres chinoises de l'ambassade de Malte à Bruxelles'.

Il-Gvern ta' Malta huwa kburi bix-xogħol importanti tar-Rappreżentanza Permanenti ta' Malta fl-Unjoni Ewropea. 

Il-Gvern jiċċara li x-xogħlijiet ta' rinovazzjoni li saru lura fl-2007 fis-sit li jilqa' fih ir-Rappreżentanza Permanenti u li saru taħt amministrazzjoni differenti, twettqu bi spiża tal-Gvern ta' Malta, 13-il sena ilu. 

Kienet biss l-għamara li ngħatat b'donazzjoni mill-Gvern Ċiniż biex tiġi installata u dan f'konformità mal-proċeduri relevanti ta' sigurtà fir-Rappreżentanza Permanenti u li l-Gvern jibqa' rikonoxxenti. 

L-artiklu jagħmel bosta allegazzjonijiet żbaljati li dan it-tgħamir qiegħed jintuża għal raġunijiet illeċiti.

Il-Gvern jikkonferma li l-bini li jilqa' fih ir-Rappreżentanza Permanenti kien soġġett għal verifiki interni u esterni u nstab li kollox kien tajjeb.

Aktar minn hekk matul dawn l-aħħar sentejn, 80% tal-imsemmija għamara ġiet mibdula b'għamara ġdida li ġiet akkwistata minn Malta.

Huwa importanti li jiġi ċċarat li s-sistema tas-sigurtà tar-Rappreżentanza Permanenti nbidlet u tjiebet matul dawn l-aħħar sentejn.​