Il-Gvern ta’ Malta appunta tliet ambaxxaturi fi rwoli ġodda

Numru ta' Referenza: PR201088, Data ta' l-Istqarrija : Ġun 09, 2020
 
L-Ambaxxatur Daniel Azzopardi, li preżentament huwa r-Rappreżentant Permanenti għall-Unjoni Ewropea, se jkun nominat sabiex ikun l-Ambaxxatur Malti għar-Renju ta’ Spanja. Ir-relazzjonijiet bejn Malta u Spanja kienu msaħħa b’mod sinifikanti fl-aħħar snin.

L-Ambaxxatur Vanni Xuereb, li qabel kien imexxi l-Malta-EU Steering Action Committee u li  preżentament jokkupa l-kariga ta’ Ambaxxatur Malti għar-Renju ta’ Spanja se jkun nominat sabiex ikunu l-Ambaxxatur Malti fil-Ġermanja.

L-Ambaxxatur Marlene Bonnici li preżentament hija l-Ambaxatur Malti għal Ġermanja u li serviet bħala r-Rappreżentant Permanenti għall-Unjoni Ewropea bejn l-2012 u l-2018, se tkun qed tirritorna għall-irwol li okkupat hija qabel, dak ta’ Rappeżentant Permanenti għall-Unjoni Ewropea fi Brussell. L-Ambaxxatur Bonnici hija waħda mill-aktar diplomatiċi Maltin li għadha sservi fil-Korp Diplomatiku Malti. Hija okkupat karigi għolja bħala uffiċjal pubbliku u serviet anke bħala Segretarju Permanenti fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

B’referenza għall-artikli fil-mezzi tax-xandir, il-Gvern itenni li hija prassi li jkun hemm rotazzjoni tal-ambaxxaturi, l-iktar meta jkun hemm amministrazzjoni ġdida. Il-Gvern ta’ Malta jirringrazzja lit-tliet ambaxxaturi tax-xogħol tajjeb ħafna tagħhom, tal-kontribuzzjoni li jagħtu u tal-impenn li juru.​