Programm ta' Bini ta' Kapaċità ta' Medjazzjoni għall-Paċi organizzat għal uffiċjali tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Ewropej

Programm ta' Bini ta' Kapaċità ta' Medjazzjoni għall-Paċi organizzat għal uffiċjali tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Ewropej

Numru ta' Referenza: 08112021, Data ta' l-Istqarrija : Nov 08, 2021
 
Fit-3 ta’ Novembru 2021, id-Direttur Ġenerali Neville Aquilina u l-Ambaxxatur tal-Ġermanja għal Malta E.T. Walter Haβmann taw ir-rimarki tal-ftuħ fil-bidu tal-Programm ta’ tlett ijiem għall-Bini ta’ Kapaċità ta’ Medjazzjoni għall-Paċi għall-uffiċjali tal-Ministeru li qed jiġi organizzat mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u ċ-Ċentru ta’ Berlin għall-Operazzjonijiet Internazzjonali tal-Paċi (ZIF) bl-appoġġ ġeneruż tal-Uffiċċju Federali tal-Affarijiet Barranin Ġermaniż. Il-programm ta’ taħriġ se jipprovdi lill-parteċipanti b’iżjed għarfien teoretiku u prattiku dwar il-medjazzjoni tal-paċi, u dwar opportunitajiet u sfidi li jiffaċċjaw il-prattikanti tal-medjazzjoni tal-paċi.

Din hija waħda mill-inizjattivi li qed jiġu organizzati fil-kuntest tal-ewwel Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali ta’ Malta għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Nisa, Paċi u Sigurtà (WPS), li tirreferi għall-istabbiliment ta’ sħubijiet għat-taħriġ u l-bini tal-kapaċità biex jappoġġjaw l-implimentazzjoni ta’ din l-aġenda lokalment. L-aġenda Nisa, Paċi u Sigurtà għandha l-għan doppju li tirrikonoxxi u tindirizza l-impatti dannużi b’mod sproporzjonat tal-kunflitti armati fuq in-nisa u l-bniet kif ukoll tenfasizza l-importanza tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-proċessi ta’ paċi u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti.

Photo of the officials during the training.