Aktar minn 2,500 uffiċjal minn 65 pajjiż u territorju, 45 awtorità finanzjarja u 6 istituzzjonijiet internazzjonali jipparteċipaw fl-ewwel edizzjoni ta’ The Malta Workshops

Aktar minn 2,500 uffiċjal minn 65 pajjiż u territorju, 45 awtorità finanzjarja u 6 istituzzjonijiet internazzjonali jipparteċipaw fl-ewwel edizzjoni ta’ The Malta Workshops

Numru ta' Referenza: PR210777, Data ta' l-Istqarrija : Apr 24, 2021
 
Nhar il-Ġimgħa ġew fi tmiemhom The Malta Workshops - serje ta’ ħames sessjonijiet ta’ ħidma gwidati minn esperti internazzjonali li trattaw firxa ta’ temi u niċeċ importanti, ewlenin fosthom il-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus, l-iffinanzjar tat-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, ir-riskji marbuta ma’ individwi b’valur nett għoli u l-evażjoni ta’ sanzjonijiet.

B’medja ta’ 500 parteċipant kuljum, fl-aħħar ġimgħa ħadu sehem aktar minn 2,500 uffiċjal ta’ gvernijiet u rappreżentanti ta’ awtoritajiet u ta’ ċentri finanzjarji internazzjonali li ltaqgħu f’kuntest ta’ koperazzjoni sinċiera biex jiddiskutu l-isfidi u l-vulnerabbiltajiet li jiffaċċjaw biex jattiraw u jirregolaw in-negozju internazzjonali.

Fost il-parteċipanti kien hemm rappreżentanti ta’ istituzzjonijiet internazzjonali importanti, inklużi MONEYVAL, il-Fond Monetarju Internazzjonali, il-Kunsill tal-Ewropa, il-Bank Ċentrali Ewropew, Egmont, Eurasian Group u UNODC.

Is-suċċess tal-Malta Workshops; li saru għall-ewwel darba fuq inizjattiva tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej bil-kollaborazzjoni tal-Kumitat Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni dwar il-Ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu; tat pjattaforma b’saħħitha għat-tisħiħ tal-koperazzjoni bejn ġurisdizzjonijiet differenti, li hija tant kruċjali biex jingħeleb l-għadu komuni tal-kriminalità finanzjarja.

Fl-indirizz konklussiv tiegħu, il-Ministru Evarist Bartolo fisser li din l-inizjattiva nibtet mill-prinċipju bażiku li dawn l-isfidi huma ta’ natura universali u mhux uniċi għal territorju, pajjiż, reġjun jew kontinent wieħed. F’dan il-kuntest, il-ministru saħaq dwar il-ħtieġa li l-pajjiżi jaħdmu flimkien favur l-iżvilupp sostenibbli ta’ ċentri finanzjarji internazzjonali żgħar għaliex, kbar kemm huma kbar, l-isforzi individwali ta’ pajjiż waħdu jistgħu jilħqu biss il-frott mixtieq meta jiffurmaw parti minn sforz kollettiv u meta joperaw fil-qafas globali.

Il-ministru tenna l-impenn tiegħu li jiżgura li dawk il-miżuri u l-proposti li tressqu matul id-diskussjonijiet ta’ din il-ġimgħa ma jibqgħux biss fuq il-karta u jingħataw impetu mill-Gvern ta’ Malta flimkien mal-imsieħba internazzjonali.

Huwa kkonkluda billi ħabbar l-intenzjoni li ssir it-tieni edizzjoni ta’ The Malta Workshops matul is-sena d-dieħla, biex mhux biss ikompli l-iskambju ta’ informazzjoni u intelliġenza f’dan is-settur tant importanti, iżda biex jiġu rrappurtati riżultati konkreti u s-suċċessi miksuba.​

Setup of the video conference with speakers on screen 
 Minister Evarist Bartolo addressing The Malta Workshops
 Photo of the team members behind the organisation of the workshops