Żjara uffiċċjali mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo fir-Repubblika tat-Turkija

Numru ta' Referenza: PR201350, Data ta' l-Istqarrija : Lul 15, 2020
 
Fl-14 ta’ Lulju, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo għamel żjara uffiċjali f’Ankara, it-Turkija, fuq stedina tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Tork Mevlüt Çavuşoğlu. Il-Ministru Bartolo kien akkumpanjat minn delegazzjoni ta’ uffiċjali għolja tal-Gvern ta’ Malta u Theresa Cutajar, l-Ambaxxatur nominat ta’ Malta għar-Repubblika tat-Turkija, li akkumpanjat lill-ministru u lid-delegazzjoni tul iż-żjara kollha.

Waqt din iż-żjara Evarist Bartolo kellu taħditiet mal-kontroparti tiegħu, Mevlüt Cavusoglu, li matulhom iż-żewġ naħat esploraw il-possibbiltà ta’ koperazzjoni bilaterali f’diversi oqsma, inkluż il-kummerċ, l-investiment, l-edukazzjoni, il-kultura, is-saħħa u t-tagħlim tal-lingwa Ingliża.

Il-ministri ddiskutew ukoll temi ta’ importanza reġjonali, b’mod paritkolari l-isfidi u l-opportunitajiet ta’ koperazzjoni fil-Mediterran.

Dwar il-Libja, iż-żewġ naħat skambjaw il-ħsibijiet tagħhom dwar l-impatt tal-iżviluppi fir-rigward tal-migrazzjoni irregolari u l-bżonn għal sforzi kkonċentrati li jħarbtu l-mudell tan-negozju tat-traffikanti tal-bnedmin. Il-Ministru Bartolo saħaq li ma hemm l-ebda alternattiva għajr għal ftehim paċifiku għall-waqfien mill-ġlied fil-Libja. Huwa awgura li l-partijiet jaslu għall-waqfien mill-ġlied b’mod permanenti u dan għall-ġid komuni tal-poplu Libjan. Evarist Bartolo żied li s-soluzzjoni għas-sitwazzjoni fil-Libja għandha tinstab mil-Libjani stess u għandha twassal għal pajjiż wieħed magħqud, f’idejn il-Libjani nfushom.

Dak li qed iseħħ fil-Libja qed ikollu konsegwenzi fuq Malta u fuq il-bqija tal-Ewropa. F’dan ir-rigward, il-Ministru Bartolo enfasizza li l-paċi u l-istabbiltà fil-Libja tirriżulta f’paċi u stabbiltà fil-Mediterran u kif ukoll fl-Ewropa. Għaldaqstant, teżisti urġenza biex l-Unjoni Ewropea tiffaċilita u tipprovdi sostenn għall-waqfien mill-ġlied.

Qabel ma indirizzaw lill-ġurnalisti, iż-żewġ ministri ffirmaw ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika ta’ Malta u l-Gvern tar-Repubblika tat-Turkija dwar Xogħol bi Qliegħ tad-Dipendenti tal-Membri tal-Missjonijiet Diplomatiċi u Karigi Konsulari. Dan il-ftehim jippermetti lin-nisa u l-irġiel ta’ uffiċjali diplomatiċi li jservu fil-pajjiżi rispettivi biex jagħmlu xogħol remunerattiv.

Il-Ministru Bartolo poġġa wkoll kuruna tal-fjuri fil-Mausoleum ta’ Mustafa Ataturk, meqjus bħala missier it-Turkija moderna, u fuq il-monument tal-Gwerra Torka għall-Indipendenza.​

pr201350a.jpg 
 pr201350b.jpg