Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej iddikjara uffiċjalment il-parteċipazzjoni ta’ Malta għad-Dokument ta’ Montreux

Numru ta' Referenza: PR201900, Data ta' l-Istqarrija : Ott 03, 2020
 
Fid-29 ta’ Settembru 2020, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej iddikjara uffiċjalment il-parteċipazzjoni ta’ Malta għad-Dokument ta’ Montreux, u sar is-57 stat li ssieħeb. Ir-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għan-Nazzjonijiet Uniti f’Ġinevra, Chris Grima, ippresjeda dan il-proċess. 
 
“Id-Dokument ta’ Montreux dwar il-Kumpaniji Privati Militari u ta’ Sigurtà” huwa r-riżultat ta’ inizjattiva mnedija mill-Iżvizzera u mill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar fl-2006. Dan jenfasizza l-obbligi legali internazzjonali pertinenti u l-prattiċi tajba għall-istati relatati mal- operazzjoni ta’ kumpaniji privati militari u ta’ sigurtà waqt kunflitt armat, kif deskritt fid-dokument li nfetaħ għall-iffirmar fis-17 ta’ Settembru 2008.
 
L-għan ewlieni tad-Dokument Montreaux huwa l-promozzjoni u r-rispett għal-Liġi Umanitarja Internazzjonali u l-liġi dwar id-Drittijiet tal-Bniedem kull meta kumpaniji privati militari u tas-sigurtà jkunu preżenti f’kunflitti armati. Fih xi 70 rakkomandazzjoni mnissla minn l-aqwa prattiċi. Fost dawn, wieħed isib ir-rakkomandazzjonijiet biex pajjiż jivverifika r-rekord tal-kumpaniji, l-eżami tal-proċeduri użati biex jivverifikaw l-impjegati tagħhom, kif ukoll ir-rakkomandazzjoni għall-istati biex jieħdu miżuri konkreti biex jiżguraw li l-uffiċjali tal-kumpaniji privati militari u tas-sigurtà jistgħu jkunu mħarrka meta jseħħ ksur tal-liġi.
 
Dawn il-kumpaniji żdiedu ħafna speċjalment mit-tmiem tal-Gwerra Bierda u jkomplu jintużaw fuq skala estensiva f’kunflitti fl-Iraq, fl-Afganistan, fis-Sirja u fil-Libja fost oħrajn. Inċidentalment, waħda mill-akbar PMSC, li toffri firxa wiesgħa ta’ servizzi ta’ sigurtà rrappurtat dħul totali ta’ 3.7 biljun ewro fl-2018.
 
Fil-Libja, huwa rrappurtat li hemm numru ta’ kumpaniji bħal dawn joperaw u l-merċenarji jkomplu jkunu attivi għal partijiet u milizzji differenti fil-kunflitt. Sadanittant fuq talba tal-Gvern Libjan, Malta qed tgħin fost oħrajn f’eżerċizzju ta’ “de-mining”  ta’ żoni sħaħ fil-Libja li minħabba t-tqegħid ta’ splussivi qed ikollhom vittmi ta’ kuljum, fil-maġġoranza tfal. Fi stqarrija konġunta maħruġa mill-UNICEF u mill-Gvern Libjan f’Ġunju 2020, esprimew tħassib serju dwar rapporti dwar il-qtil ta’ persuni ċivili fi Tripli minn splussivi tal-art.​