Il-Ministri Evarist Bartolo u Justyne Caruana bi żjara fil-Libja għal taħdidiet dwar koperazzjoni fis-settur edukattiv

Numru ta' Referenza: PR202580, Data ta' l-Istqarrija : Diċ 15, 2020
 
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo u l-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana lbieraħ żaru Tripli għal-laqgħat mal-Ministru tal-Edukazzjoni Othman Abdul, mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Mohamed Siyala u mad-Deputat Prim Ministru Ahmed Maiteeq.

Matul iż-żjara, il-Gvern Malti offra koperazzjoni mill-Università ta’ Malta u mill-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija, fit-tagħlim tal-Ingliż, kif ukoll permezz ta’ programmi edukattivi li jibnu l-ħiliet u l-valuri personali li jikkontribwixxu għall-ħolqien tax-xogħol u biex il-problemi u t-tilwim jissolvew mingħajr vjolenza.

Il-Ministru Evarist Bartolo qal li permezz ta’ din iż-żjara, il-Ministri Maltin marru l-Libja bl-aqwa arma, dik tal-edukazzjoni. Huwa saħaq li l-aqwa arma li għandha bżonn il-Libja għal futur ta’ paċi u progress hija żgħażagħ edukati sew biex jibnu l-pajjiż u s-soċjetà tagħhom u jgħixu u jgawdu mill-ġid kbir li għandhom.

Il-Ministru Justyne Caruana qalet li matul il-laqgħat kien hemm diskussjonijiet konkreti dwar triq ’il quddiem u ż-żewġ pajjiżi laħqu ftehim reċiproku biex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u jibnu fuqhom. “Irridu nibnu ġenerazzjoni edukata u mħejjija tajjeb biex taħdem u ssaħħaħ l-ekonomiji tagħna, il-kulturi tagħna u l-pajjiżi tagħna”.

Iż-żewġ naħat huma ħerqana li jsaħħu r-rabtiet bejniethom u biex jinħoloq il-ġid u x-xogħol fl-aqwa interess tal-popli taż-żewġ pajjiżi. F’dan il-kuntest, id-delegazzjoni Maltija saħqet fuq l-importanza li l-Libja terġa’ tkun pajjiż ta’ paċi u ta’ prosperità f’idejn il-Libjani.

Waqt iż-żjara tagħhom fi Tripli, iż-żewġ ministri għamlu wkoll żjara ta’ korteżija lill-Isqof Malti Ġorġ Bugeja.

Permezz tal-link segwenti tista’ ssegwi l-konferenza stampa li saret fil-Libja b’rabta mal-imsemmija taħdidiet: https://youtu.be/BL_bC2Q4wXM​​