Il-Ministru Carmelo Abela jisħaq fuq il-bżonn ta’ tranżizzjoni malajr lejn l-ekonomija l-ħadra li tkattar it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol ġodda fil-perjodu ta’ wara l-pandemija
Pajjiżna għandu ħafna opportunitajiet ta’ tkabbir ekonomiku u ta’ ħolqien tax-xogħol jekk jadatta u jimxi malajr lejn l-ekonomija l-ħadra.
Stqarr dan il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela waqt li kien qed jieħu sehem f’diskussjoni onlajn organizzata mill-MEUSAC u mill-Ambaxxata tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fl-okkażjoni tat-tmiem tal-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Id-diskussjoni trattat l-irwol tal-Presidenza fil-kuntest ta’ deċiżjonijiet kruċjali mill-Unjoni Ewropea.
Il-materji li tqajmu waqt din id-diskussjoni kienu l-Baġit Ewropew 2021-2027, il-pakkett ta’ rkupru, il-miri tal-klima għall-2030 u Brexit fil-kuntest tal-pandemija u r-rispons tal-UE għal dawn l-isfidi bla preċedent. Minbarra l-Ministru Abela, ħadu sehem ukoll f’din id-diskussjoni l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo u l-Ambaxxatur Ġermaniż Walter Haßmann.
Fid-diskussjoni li tmexxiet mill-Kap tal-MEUSAC Mandy Falzon, il-Ministru Abela sostna li t-tranżizzjoni l-ekonomija l-ħadra trid issir bil-gvern, l-isħab soċjali, is-soċjetà ċivili u s-settur privat jaħdmu id f’id. Dan iwassal għal ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol aħjar u iżjed favur l-ambjent għall-benefiċċju tal-ħaddiema, min iħaddem u l-pajjiż filwaqt li jgħin lil pajjiżna jkompli jirkupra ekonomikament mill-pandemija.
Il-Ministru Abela żied li l-isfidi ambjentali u tal-klima jridu jiddawru f’opportunitajiet ġusti u inklussivi għal kulħadd. Hawnhekk semma kif il-Baġit 2021 fih mat-377 miżura maqsumin f’diversi setturi li jiffukaw fuq l-ambjent sabiex jgħinu lil Malta teqleb lejn l-ekonomija l-ħadra. Il-ministru temm l-intervent tiegħu billi semma l-isforzi tal-gvern li introduċa miżuri sempliċi imma effettivi li jtejbu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja bħall-flessibilità.
Il-Ministru Abela tkellem ukoll dwar id-direttiva proposta mill-Kummissjoni Ewropea dwar pagi minimi adekwati billi qal kif dawn iwasslu għal benefiċċji fuq livell soċjali, inaqqsu d-diskrepanzi ekonomiċi, isostnu d-domanda domestika u anka parzjalment inaqqsu d-disparità fil-pagi bejn il-ġeneri.
Żied li l-kriżi preżenti laqtet partikolarment dawk b’pagi baxxi. Li jkun żgurat livell ta’ għajxien diċenti u li jitnaqqas il-faqar fix-xogħol mhuwiex biss importanti fi żmien ta’ kriżi iżda essenzjali għal irkupru sostenibbli u inklussiv, sostna l-Ministru Abela filwaqt li nnota kif din id-direttiva ssaħħaħ il-kunċett tal-collective bargaining.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo saħaq li minkejja appelli ripetuti, hemm ħafna aktar xi jsir biex jingħelbu l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni irregolari.
Il-Ministru Evarist Bartolo appella lill-istati membri kollha tal-UE biex jerġgħu jingħaqdu u jaħdmu lejn progress ġenwin fuq il-mekkaniżmu ta’ solidarjetà u biex jindirizzaw bis-serjetà l-għeruq tal-problema. “Din hija wkoll kwistjoni ta’ kummerċ - sakemm ma naqblux dwar ftehimiet kummerċjali aktar ġusti ma nistgħux nistennew li pajjiżi tal-oriġini jew ta’ tranżitu joħolqu impjiegi u ġid fit-territorji tagħhom”.
F’dan il-kuntest, il-Ministru Bartolo tenna l-impenn ta’ Malta li taħdem mal-partijiet interessati kollha mhux biss biex tikkontrolla l-migrazzjoni irregolari iżda biex tiġġieled is-sindakati tal-kriminalità organizzata li japprofittaw mill-kuntrabandu tal-bnedmin u jiksru d-drittijiet universali tal-bniedem. Il-promozzjoni tal-kultura tad-drittijiet tal-bniedem tibqa’ kruċjali u ċentrali għall-isforzi kollha tagħna, ikkonkluda l-ministru.
L-Ambaxxatur Ġermaniż Haßmann qal li, “Wara presidenza impenjattiva ninsabu kburin li għamilna progress fuq materji importanti, ibbażati fuq is-solidarjetà u ħafna xogħol siewi. Inħarsu ’l quddiem li ngħaddu dan ix-xogħol siewi li għamilna lill-kollegi tagħna Portugiżi, partners fit-trio tal-Presidenza flimkien mal-Islovakkja”.
L-ambaxxaturi mhux residenti tal-Portugall u tas-Slovenja wkoll ipparteċipaw fid-diskussjoni hekk kif il-pajjiżi rispettivi tagħhom isegwu lill-Ġermanja fil-Presidenza tal-Unjoni Ewropea. Id-diskussjoni inkludiet ukoll is-sehem b’mod virtwali ta’ diversi rappreżentanti minn missjonijiet diplomatiċi f’Malta u lil hinn, rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, uffiċjali pubbliċi u membri tal-pubbliku.