Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo pparteċipa fil-Konferenza ta’ Sħubija tas-Sudan

Numru ta' Referenza: PR201205, Data ta' l-Istqarrija : Ġun 25, 2020
 
“L-istabbiltà fis-Sudan tibqa’ kruċjali għall-istabbiltà fil-Qarn tal-Afrika” - il-Ministru Bartolo waqt konferenza ta’ sħubija ta’ livell għoli
 
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo pparteċipa fil-Konferenza ta’ Sħubija tas-Sudan li saret fil-25 ta’ Ġunju 2020. Il-konferenza saret b’mod virtwali u kienet imtella’ min-Nazzjonijiet Uniti, mill-Unjoni Ewropea, mill-Ġermanja u mis-Sudan.
 
Il-Ministru Bartolo laqa’ t-tnedija ta’ din il-konferenza u esprima l-appoġġ għat-tranżizzjoni politika fis-Sudan bħala pass ewlieni lejn tmexxija bl-involviment fattwali u attiv tas-soċjetà ċivili, li toffri opportunità storika biex jinkisbu l-paċi, id-demokrazija u l-irkupru ekonomiku. Iddikjara li l-istabbiltà fis-Sudan tibqa’ kruċjali għall-istabbiltà fil-Qarn tal-Afrika u lil hinn minnha. F’dan il-kuntest, il-ministru enfasizza l-importanza tal-involviment tas-soċjetà ċivili kif ukoll mekkaniżmi ta’ parteċipazzjoni taċ-ċittadini biex jiġi żviluppat l-irwol tan-nisa u taż-żgħażagħ f’din it-tranżizzjoni. Esprima wkoll tħassib dwar is-sitwazzjoni umanitarja li kompliet tisserja wara l-miġja tal-pandemija COVID-19.
 
Il-ministru tenna l-appoġġ ta’ Malta għall-isforzi kontinwi biex jinstabu soluzzjonijiet għall-pajjiżi midjunin sabiex jiġu assistiti fit-tnaqqis tal-piż tad-dejn u jimxu lejn triq ta’ tkabbir sostenibbli u inklużiv. F’dan il-kuntest laqa’ l-assistenza ta’ istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, bħall-Fond Monetarju Internazzjonali, il-Bank Dinji u l-Bank tal-Iżvilupp Afrikan, għar-riformi meħtieġa li hemm bżonn jimmaterjalizzaw.​