Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo pparteċipa fil-laqgħa tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin fil-Lussemburgu

Numru ta' Referenza: PR201972, Data ta' l-Istqarrija : Ott 13, 2020
 
Il-ministri kellhom lista twila fuq l-aġenda tagħhom inklużi l-kunflitt f’Nagorno-Karabakh, is-sitwazzjoni politika fil-Belarussja, id-Djalogu ta’ Belgrad-Pristina, ir-Russja u s-sitwazzjoni fil-Lvant tal-Mediterran, fost l-oħrajn.

Fir-rigward tal-Lvant tal-Mediterran, il-Ministru Bartolo tenna l-appoġġ tiegħu għal tentattivi ta’ tnaqqis tat-tensjonijiet fir-reġjun. Huwa ħeġġeġ lill-partijiet kollha biex jirrispettaw il-liġi internazzjonali, ir-riżoluzzjonijiet tal-KSNU u l-ftehimiet tal-waqfien mill-ġlied tan-NU, u biex jieqfu minn kwalunkwe azzjoni li żżid aktar tensjonijiet u ddgħajjef l-attentati biex jerġgħu jibdew it-taħditiet bejn in-naħat kollha.

Il-ministri indirizzaw ukoll l-isfidi politiċi li bħalissa huma prevalenti f’reġjuni differenti, primarjament il-kunflitt f’Nagorno-Karabakh u s-sitwazzjoni politika fil-Belarussja.

Minkejja l-ftehim riċenti tal-waqfien mill-ġlied bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan fi tmiem il-ġimgħa, il-ġlied fin-Nagorno-Karabakh intensifika. Il-Ministru Bartolo kkundanna bil-qawwa l-vjolenza u ħeġġeġ liż-żewġ naħat biex jaċċettaw waqfien mill-ġlied immedjat u mingħajr kundizzjonijiet.

Il-Ministri tal-Affarijiet Barranin adottaw konklużjonijiet dwar il-Belarussja u tennew li l-elezzjonijiet li saru fl-istess pajjiż la kienu ħielsa u lanqas ġusti, u li Alexander Lukashenko m’għandux leġittimità demokratika. Il-Kunsill appella għat-tmiem tal-vjolenza u qabel li jnaqqas il-koperazzjoni bilaterali mal-awtoritajiet tal-Belarussja filwaqt li wiegħed appoġġ għall-poplu u għas-soċjetà ċivili.

Il-Kunsill dwar l-Affarijiet Barranin inkariga lill-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill ‘Relex’ biex ikompli jaħdem fuq l-inizjattiva Franko-Ġermaniża rigward l-ivvelenar ta’ Alexander Navalny.

Fil-marġini tal-laqgħa, il-Ministru Evarist Bartolo kellu laqgħat bilaterali mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Irlanda, Simon Coveney, u mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Awstrija, Alexander Schallenberg.​