Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej jiltaqa’ mas-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth il-Barunessa Patricia Scotland

Numru ta' Referenza: PR201495, Data ta' l-Istqarrija : Aww 05, 2020
 
F’laqgħa mas-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth il-Barunessa Patricia Scotland, il-Ministru Evarist Bartolo tkellem dwar il-vokazzjoni naturali ta’ Malta bħala proponent ewlieni fil-komunità ta’ pajjiżi żgħar. Huwa sostna li dan huwa evidenti min-numru ta’ inizjattivi ta’ Malta immirati lejn l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet fi ħdan Small Island Developing States (SIDS), kif ukoll it-twaqqif ta’ żewġ ċentri f’Malta – l-iSmall States Centre of Excellence (SSCoE), kif ukoll il-Commonwealth Centre for Connected Learning (3CL).

Il-Ministru Bartolo enfasizza r-rabta bejn il-governanza t-tajba u l-istat tad-dritt, kif ukoll il-bżonn ta’ strutturi b’saħħithom biex ikunu jistgħu jiġu indirizzati l-isfidi kumplessi ta’ natura globali, speċjalment għall-pajjiżi ż-żgħar. 

Il-Barunessa Scotland faħħret l-isforzi li Malta qed tagħmel sabiex tissaħħaħ il-governanza tajba u l-istat tad-dritt. L-importanza ta’ qafas ta’ governanza tajba u ġestjoni finanzjarja soda, kif ukoll temi bħal ħasil tal-flus (AML) u koperazzjoni fil-ġlieda kontra attività kriminali internazzjonali ġew diskussi ukoll f’din il-laqgħa.

F’dan il-kuntest, il-Ministru Bartolo enfasizza l-ħtieġa u l-importanza tat-tisħiħ ta’ kapaċitajiet istituzzjonali bħala mezzi ewlenin sabiex ikun hemm żvilupp sostenibbli fil-pajjiżi żgħar fi ħdan il-Commonwealth. Il-Barunessa Scotland irrimarkat li, permezz tal-istituzzjonijiet b’saħħithom tagħha, Malta tista’ toffri kontribut pożittiv f’dan ir-rigward.

Ta’ min jinnota illi l-iSmall States Centre of Excellence ħareġ mill-Commonwealth Heads of Government Meeting li saret f’Malta fl-2015, u li 32 mid-39 stat żgħir rikonoxxut fid-dinja huma membri fl-għaqda Commonwealth.​

pr201495a.jpeg 
 pr201495b.jpeg
 pr201495c.jpeg