Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo kellu taħdidiet mal-kollegi Awstrijaċi u Irlandiżi

Numru ta' Referenza: PR201976, Data ta' l-Istqarrija : Ott 13, 2020
 
Fil-Lussemburgu, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo kellu taħdidiet mal-kollegi Awstrijaċi u Irlandiżi dwar in-newtralità tat-tliet pajjiżi u l-impenn tagħhom biex isaħħu d-diplomazija tal-paċi tagħhom.

Waqt laqgħat bilaterali separati mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Awstrijak Alexander Schallenberg u mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Irlandiż Simon Coveney, il-Ministru Bartolo tenna l-impenn ta’ Malta favur in-newtralità kostituzzjonali tagħha, li tibqa’ daqstant rilevanti fiż-żona ta’ kunflitt li tinsab fiha. 

It-tliet ministri ftehmu li jikkoperaw aktar fuq kwistjonijiet ta’ newtralità u qablu li jaħdmu flimkien biex jipproteġu l-pożizzjoni komuni tagħhom bħala pajjiżi newtrali fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

Dwar Brexit, il-Ministri Bartolo u Coveney iddiskutew kif l-Irlanda u Malta jistgħu jikkoperaw biex itaffu l-impatti negattivi fuqhom f’każ ta’ Brexit bla ftehim sal-aħħar ta’ din is-sena, meta r-Renju Unit għandu jitlaq mill-Unjoni Ewropea. Iż-żewġ pajjiżi se jintensifikaw il-koperazzjoni bejniethom fl-akkwist tal-mediċina u l-kummerċ.

Huma ddiskutew ukoll l-impatt tal-Covid-19 fuq l-ekonomiji taż-żewġ pajjiżi u kif jistgħu jippermettu t-turiżmu bejniethom.​