Il-Ministru Evarist Bartolo jtemm żjara uffiċjali fil-Qatar

Il-Ministru Evarist Bartolo jtemm żjara uffiċjali fil-Qatar

Numru ta' Referenza: PR210671, Data ta' l-Istqarrija : Apr 09, 2021
 
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo temm żjara bilaterali fil-Qatar.

Matul din iż-żjara, il-Ministru Bartolo mexxa delegazzjoni f’laqgħat mal-Prim Ministru Khalid Bin Khalifa bin Abdulaziz Al Thani, u mad-Deputat Prim Ministru Mohammed bin Abdulrahman bin Jassim Al Thani. Matul il-laqgħat tkellmu dwar ir-rabtiet politiċi, ekonomiċi u kulturali bejn Malta u l-Qatar.

Fost temi oħra, iż-żewġ naħat tkellmu dwar ir-relazzjoni bejn il-Qatar u l-Unjoni Ewropea u l-bżonn li dawn jifhmu iżjed lil xulxin u li jaħdmu flimkien għall-ġid komuni. 

Huma trattaw ukoll bosta temi reġjonali ta’ importanza reċiproka, primarjament is-sitwazzjoni fil-Libja u l-bżonn li l-Gvern ta’ Għaqda Nazzjonali jiġi appoġġat biex itejjeb il-benesseri tal-poplu Libjan li tant qed isofri fil-ħajja ta’ kuljum b’nuqqas ta’ ilma, prezzijiet għoljin u ftit flus fl-idejn. Il-Ministru Bartolo saħaq li dawn l-isfidi jeħtieġ jiġu indirizzati sabiex il-poplu Libjan jibni l-fiduċja fil-politiċi tiegħu.

Ġew diskussi wkoll l-iżviluppi fil-Palestina u d-drittijiet tal-poplu Palestinjan. F’dan ir-rigward, Malta tenniet il-qbil tagħha mar-riżoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti biex l-Iżrael u l-Palestina jkunu rikonoxxuti bħala żewġ stati sovrani.

Iż-żewġ naħat tkellmu dwar l-aħħar żviluppi fuq il-ftehim tal-armi nukleari mal-Iran, b’aċċenn fuq l-importanza tad-djalogu sabiex jonqsu t-tensjonijiet u tikkalma s-sitwazzjoni għall-ġid komuni fir-reġjun tal-Golf.

Id-delegazzjoni Maltija żaret ukoll lill-kap eżekuttiv tal-Qatar Airways li kkonferma l-pjanijiet tal-kumpanija li tissokta t-titjiriet diretti bejn iż-żewġ pajjiżi. Kien hemm ukoll taħdidiet fuq il-qasam tat-turiżmu u s-sigurtà tal-ikel.

Matul din iż-żjara, il-Ministru Evarist Bartolo u l-Ministru tal-Qatar għall-Kultura u l-Isport, Salah bin Ghanem Al Ali, iffirmaw ftehim ta’ koperazzjoni reċiproka fis-setturi taż-żgħażagħ u tal-isport.

Il-Ministru Bartolo kkonkluda li Malta se tkompli tfittex li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet diġà eċċellenti mal-Qatar biex tiftaħ toroq ġodda għall-komunità kummerċjali tagħha, għall-industrija tat-turiżmu u għal operaturi ekonomiċi oħra biex ilkoll jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet li joffri dan il-pajjiż.​

Qatar Image 1 
Qatar Image 2