Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo jindirizza s-Summit tal-Mexxejja f’għeluq l-20 Anniversarju tal-Patt Globali tan-Nazzjonijiet Magħquda

Numru ta' Referenza: PR201127, Data ta' l-Istqarrija : Ġun 15, 2020
 
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo illum inidirizza is-Summit tal-Mexxejja f’għeluq l-20 Anniversarju mill-bidu tal-Patt Globali tan-Nazzjonijiet Magħquda. 

Is-summit virtwali, li qed isir fuq medda ta’ 26 siegħa bejn it-Tnejn u Tlieta, ilaqqa’ kelliema mis-settur tan-negozju, mill-gvernijiet, min-Nazzjonijiet Magħquda, mis-soċjetà ċivili u mis-settur akkademiku biex jiddiskutu l-isfidi globali bla preċedent u biex jaqsmu soluzzjonijiet li jwieġbu għall-impatt umanitarju u ekonomiku tal-pandemija COVID-19 u jirkupraw minnu. Dan abbażi tal-valuri u l-prinċipji li jiggwidawna biex ‘nirkupraw aħjar, nirkupraw aktar b’saħħitna, u nirkupraw flimkien’. 

Il-Ministru Bartolo appella għal reazzjoni multilaterali b’saħħitha u kkordinata, imsejsa fuq is-solidarjetà li hija kruċjali biex tiġi indirizzata din il-pandemija globali. Huwa żied li tali sfidi globali jeħtieġu soluzzjonijiet globali f’dinja interkonnessa.  

Il-ministru saħaq li l-kriżi attwali hija tfakkira li l-implimentazzjoni sħiħa tal-Aġenda 2030, tal-Ftehim ta’ Pariġi, u tal-Ftehim ta’ Addis Ababa għandhom jibqgħu l-kumpass tagħna lejn l-irkupru. 

Il-ministru tkellem ukoll dwar l-approċċ proattiv ta’ Malta fuq kwistjonijiet varji fil-livell globali, b’mod partikolari l-ħatra ta’ pajjiżna bħala ko-president tal-Kumitat ta’ Tmexxija dwar is-Sħubijiet għal Stati Gżejjer Żgħar li qed jiżviluppaw. Il-Ministru Bartolo fisser kif din il-ħatra hija xhieda oħra li r-reżiljenza ma tiddependix mill-kobor ta’ pajjiż, u li r-reżiljenza ta’ pajjiżna rriżultat f’opportunitajiet bla preċedent għal aktar tkabbir u prosperità. ​