Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo qiegħed imexxi delegazzjoni Maltija fi żjara fl-Emirati Għarab Magħquda bl-għan li jkomplu jissaħħu r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi.
Il-ħbiberija bejn iż-żewġ pajjiżi, li tmur lura 48 sena, tissarraf f’koperazzjoni sinċiera f’diversi oqsma, speċjalment dawk kummerċjali.
Matul din iż-żjara, ser tiġi inawgurata l-ambaxxata Maltija f’Abu Dhabi sabiex pajjiżna jkompli jsaħħaħ il-preżenza diplomatika tiegħu fost il-pajjiżi tal-Golf.
Id-diskussjonijiet se jiffokaw ukoll fuq it-tisħiħ tad-diplomazija favur il-paċi fil-Lvant Nofsani u l-Mediterran. Dan flimkien ma’ temi oħra ta’ interess reċiproku, fosthom it-turiżmu, il-konnettività bl-ajru bejn iż-żewġ pajjiżi, koperazzjoni edukattiva, servizzi finanzjarji, enerġija rinovabbli, kif ukoll temi kummerċjali.