Il-Ministru Evarist Bartolo jiltaqa’ ma’ delegazzjoni mill-Kumitat tat-Tmexxija tas-Soċjetà Dinjija tas-Sejħa Islamika

Numru ta' Referenza: 29012021, Data ta' l-Istqarrija : Jan 29, 2021
 
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, l-Onor. Evarist Bartolo, iltaqa’ ma’ delegazzjoni mill-Kumitat tat-Tmexxija tas-Soċjetà Dinjija tas-Sejħa Islamika mmexxija mill-President tas-Soċjetà, Dr Saleh Salem Al Fakhri, flimkien mas-Segretarju tal-istess Soċjetà, is-Sur Omar Abouras.

Dr. Al Fakhri tkellem dwar is-socjetà Musulmana attiva f’Malta u enfasizza l-bżonn li titkompla l-ħidma konġunta biex ikun żgurat li jitrawwem ir-rispett lejn kulħadd fi spirtu ta’ djalogu u tolleranza.

Il-Ministru feraħ lill-komunità Musulmana għas-sehem attiv tagħha fis-soċjetà u tkellem dwar l-għan ta’ Malta illi issir aktar attiva fil-qasam ta’ djalogu interreliġjuż fuq livell internazzjonali. F’dan ir-rigward, l-Onor. Bartolo rrefera għal-laqgħa li kellu ma’ Miguel Ángel Moratinos, ir-Rappreżentant Għoli għall-Alleanza tan-Nazzjonijiet Uniti taċ-Ċiviltajiet (UNAOC), li matulha ddiskutew proprju opportunitajiet ta’ kooperazzjoni f’dan il-qasam.

Fi tmiem il-laqgħa, iż-żewġ naħat ġeddew l-impenn tagħhom lejn id-djalogu interreliġjuż u interkulturali fi spirtu ta’ rispett u ftehim reċiproku.