Il-Ministru Evarist Bartolo jiltaqa’ mal-Assistent Kummissarju Għoli tal-Kummissjoni Għolja tan-Nazzjonijiet Magħquda għar-Refuġjati (UNHCR) Gillian Triggs

Numru ta' Referenza: PR201410, Data ta' l-Istqarrija : Lul 23, 2020
 
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo ltaqa’ mal-Assistent Kummissarju Għoli tal-Kummissjoni Għolja tan-Nazzjonijiet Magħquda għar-Refuġjati (UNHCR) Gillian Triggs. L-Assistent Kummissarju Għoli kienet Malta għal żjara uffiċjali qasira li matulha evalwat kif il-UNHCR tista’ tgħin lil Malta fl-isfidi relatati mal-migrazzjoni irregolari u mal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet tal-ażil f’Malta. Id-diskussjonijiet trattaw l-impatt tal-pandemija COVID-19 fuq l-ekonomija globali u possibbiltajiet kif jiġu affrontati dawn l-isfidi. Ġiet diskussa wkoll il-qagħda fil-Libja.
 
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo qal li sabiex titnaqqas l-immigrazzjoni, għandna bżonn li nsaħħu l-koperazzjoni ma’ pajjiżi tal-oriġini u ta’ tranżitu. Huwa enfasizza li l-pajjiżi Afrikani barra li għandhom sfidi biex jittrattaw iċ-ċaqliq intern iridu wkoll jiffaċċjaw sfidi oħra kbar bħall-faqar, il-kunflitt u issa wkoll l-impatt tal-COVID-19. Għalhekk qal li hemm bżonn ta’ iżjed għajnuna speċjalment lejn il-Libja. F’dan il-kuntest, il-Ministru Bartolo kkonkluda li l-prijorità ewlenija għandha tibqa’ dik li nindirizzaw l-għeruq tal-problema b’mod komprensiv, u dan sabiex nimmitigaw ir-raġunijiet għaċ-ċaqliq fl-ewwel lok, waqt li nsostnu l-iżvilupp ekonomiku u soċjali fil-pajjiżi tal-oriġini.​

pr201410a.jpg 
 pr201410b.jpg