Il-Ministru Evarist Bartolo f’taħdidiet mal-President tal-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Libja Aguila Saleh

Numru ta' Referenza: PR202124, Data ta' l-Istqarrija : Ott 29, 2020
 
Malta għandha rwol ċentrali fil-mixja lejn il-paċi u l-istabbiltà fil-Libja. Dan kien sentiment komuni fit-taħdidiet li l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo kellu mal-President tal-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Libja Aguila Saleh.

Matul it-taħdidiet spikka s-sens ta’ ottimiżmu li rriżulta mill-ftehim għall-waqfien mill-ġlied dejjiemi u li għandu jwassal għar-riformi istituzzjonali u elezzjonijiet demokratiċi favur Libja magħquda għal-Libjani u f’idejn il-Libjani.

F’dan il-kuntest, il-Ministru Bartolo ġedded l-impenn ta’ Malta bħala pajjiż ġar u ħabib, li sservi ta’ pont u ta’ interlokutur ġenwin mingħajr ebda interess ulterjuri għajr il-benesseri u l-għaqda fost il-Libjani kollha.

Aguila Saleh irrikonoxxa l-isforzi ta’ Malta favur ir-riunifikazzjoni tal-Libja u żied li l-Libja issa għandha bżonn l-appoġġ u s-sostenn ta’ Malta fil-komunità internazzjonali biex jintlaħaq it-tragward ta’ tranżizzjoni politika paċifika skont ir-rieda tal-Libjani u mingħajr indħil barrani.

F’dan ir-rigward, il-Ministru Bartolo awgura li l-proċess politiku; li se jitkompla fit-Tuneżija fil-jiem li ġejjin bis-sehem tal-partijiet kollha tal-Libja; jilħaq l-għan mixtieq u dan fl-interess mhux biss tal-Libja, iżda tal-pajjiżi kollha, l-aktar dawk ġirien bħal Malta.

Il-Ministru Bartolo saħaq li pajjiżna se jagħmel il-parti umli tiegħu biex dan il-proċess jirnexxi billi jkompli jisma’ lill-partijiet kollha u tenna li Malta tista’ tkun il-vuċi onesta tal-Libja fl-Unjoni Ewropea u lil hinn.

B’ħarsa lejn il-futur tal-Libja u r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi, iż-żewġ naħat qablu fuq il-potenzjal ta’ sħubija fl-iżvilupp tal-Libja b’diversi niċeċ ekonomiċi joffru opportunità ta’ investiment u xogħol għall-imprendituri u għall-ħaddiema Maltin.​

Minister Evarist Bartolo and President of the Libyan House of Representatives Aguila Saleh standing in-front of flags. 
 President of the Libyan House of Representatives, Aguila Saleh signing the guest book.
 Meeting between Minister Evarist Bartolo and President of the Libyan House of Representatives Aguila Saleh.