Il-Ministru Evarist Bartolo f’laqgħa virtwali mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Kooperazzjoni tar-Rwanda Vincent Biruta

Numru ta' Referenza: PR201889, Data ta' l-Istqarrija : Ott 02, 2020
 
Bħala parti mill-konsultazzjoni kontinwa ta’ Malta mal-pajjiżi Afrikani, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo ddiskuta l-kollaborazzjoni bejn Malta u r-Rwanda fil-kummerċ, l-edukazzjoni u f’setturi oħra ta’ interess reċiproku mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Kooperazzjoni tar-Rwanda Vincent Biruta u uffiċjali għolja oħra, inkluż il-Kummissarju Għoli akkreditata għal Malta Yamina Karitanji.

F’Jannar 2020, Malta kienet waħda mill-ewwel stati membri tal-UE li nediet ‘Strateġija għall-Afrika’ komprensiva. L-istrateġija ta’ Malta tispjega b’mod ċar viżjoni u rwol għal Malta fl-iżvilupp tal-Afrika tal-ġejjieni, filwaqt li tirrikonoxxi l-importanza li tiġi stabbilita sħubija ta’ stati ugwali li jikkoperaw fuq prijoritajiet ewlenin miftiehma u diskussi mal-mexxejja Afrikani.

Iż-żewġ ministri ddiskutew ukoll it-tħejjijiet għal-Laqgħa tal-Kapijiet tal-Gvern tal-Commonwealth (CHOGM) li se ssir fir-Rwanda u li ġiet posposta għal nofs l-2021. Huma ddiskutew ukoll opportunitajiet għal kollaborazzjoni mtejba bejn Malta u r-Rwanda u esprimew impenn biex jiżguraw li r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi tkompli tiffjorixxi.

Il-Ministru Bartolo kien akkumpanjat mir-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-Unjoni Afrikana, l-Ambaxxatur Ronald Micallef.​