Il-Ministru Evarist Bartolo f’laqgħa bilaterali mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Sloven Anže Logar

Numru ta' Referenza: PR210261, Data ta' l-Istqarrija : Fra 05, 2021
 
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo kellu laqgħa bilaterali mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tas-Slovenja Anže Logar.  

Laqgħa li matulha ż-żewġ naħat trattaw diversi temi fosthom żviluppi fil-Mediterran, il-migrazzjoni irregolari u l-prijoritajiet tas-Slovenja għall-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li jmiss.

Il-Ministru Evarist Bartolo fisser kif iż-żewġ pajjiżi għandhom ħafna affarijiet komuni li joffru bażi soda ta’ koperazzjoni bejniethom f’diversi oqsma, fosthom fil-Mediterran. Il-Ministru Bartolo sostna li d-destin tal-Unjoni Ewropea huwa intrinsikament marbut mad-destin tal-Mediterran u mad-destin tal-Afrika. 

F’dan il-kuntest, il-ministru qal li Malta lesta li tappoġġja s-sħubija tas-Slovenja fil-grupp ta’ pajjiżi tal-Mediterran, li fil-preżent jissejjaħ il-Med 7, u saħaq li b’koperazzjoni b’saħħitha bejniethom, dan jista’ jkun grupp formidabbli fl-Unjoni Ewropea. 

Il-ministru tkellem ukoll dwar il-migrazzjoni irregolari, fejn spjega l-isfidi kbar ta’ Malta bħala stat gżira fuq il-fruntiera tan-nofsinhar tal-Ewropa. Huwa fisser kif il-wasliet m’għadhomx limitati għax-xhur tas-sajf, u li mingħajr il-koperazzjoni tal-Gwardja tal-Kosta Libjana l-Unjoni Ewropea kienet taffaċċja kriżi umanitarja kbira.

F’dan ir-rigward, huwa tenna li filwaqt li għandna nkomplu naħdmu favur Libja magħquda u nsaħħu l-Gwardja tal-Kosta Libjana, l-uniku soluzzjoni fit-tul hija li l-migranti jibqgħu f’pajjiżhom, fejn hemm biżżejjed ġid u fejn huma meħtieġa biex jibnu ekonomiji reżiljenti.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Anže Logar laqa’ l-impenn ta’ Malta li tappoġġja is-Slovenja fl-ambizzjoni tagħha li tingħaqad mal-Med 7, u qal li dan qed isir fi żmien opportun hekk kif ftit xhur oħra s-Slovenja se tkun qed tmexxi l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea – b’liema rwol tista’ tippromwovi l-interessi tal-grupp ta’ pajjiżi tal-Mediterran.

B’rabta mal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea Anže Logar qal li l-prijoritajiet tas-Slovenja jinkludu t-tisħiħ tar-reżiljenza tal-UE, it-tisħiħ ta’ sistema tas-saħħa Ewropea robusta, it-tisħiħ tal-kapaċità tal-UE fl-immaniġġjar ta’ kriżijiet (mhux biss fil-qasam tas-saħħa iżda anke f’oqsma oħra, fosthom tal-migrazzjoni rregolari), it-tisħiħ tas-saltna tad-dritt, il-promozzjoni tal-istil ta’ ħajja Ewropea, is-sostenn tal-koperazzjon Trans-Atlantika, u t-tisħiħ tal-awtonomija strateġika tal-Unjoni Ewropea.

Iż-żewġ naħat qablu li jaħdmu flimkien biex jilħqu dawn it-tragwardi importanti, u li jkomplu jsaħħu r-relazzjonijiet ta’ bejniethom għal ġid reċiproku taż-żewġ popli. ​

Minister Evarist Bartolo in a bilateral meeting with Minister of Foreign Affairs of Slovenia Anže Logar 
 Minister Evarist Bartolo greeting the Minister of Foreign Affairs of Slovenia Anže Logar
 Minister of Foreign Affairs of Slovenia Anže Logar signing the guestbook at Palazzo Parisio, Valletta.
 Minister Evarist Bartolo in a bilateral meeting with Minister of Foreign Affairs of Slovenia Anže Logar.