Il-Ministru Evarist Bartolo f’laqgħa mal-Kunsillier tal-Istat u Ministru għall-Affarijiet Barranin taċ-Ċina Wang Yi

Il-Ministru Evarist Bartolo f’laqgħa mal-Kunsillier tal-Istat u Ministru għall-Affarijiet Barranin taċ-Ċina Wang Yi

Numru ta' Referenza: PR211401, Data ta' l-Istqarrija : Lul 23, 2021
 
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo kellu taħdidiet bilaterali ġewwa Chengdu fiċ-Ċina mal-Kunsillier tal-Istat u Ministru għall-Affarijiet Barranin taċ-Ċina, Wang Yi. Din il-laqgħa ffukat fuq it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi, il-ħtieġa li jiżdiedu l-isforzi għall-paċi fil-Mediterran u reġjuni oħra, kif ukoll il-bżonn li niżguraw stabilità u sigurtà anke fil-qasam diġitali.

Iż-żewġ naħat esprimew ir-rieda tagħhom li jkomplu jsostnu r-relazzjonijiet ta’ bejniethom, li diġà taw ħafna frott matul is-snin. Is-sena d-dieħla se tkun qed timmarka l-50 sena anniversarju mindu ż-żewġ pajjiżi stabbilixxew relazzjoni diplomatika bejniethom. Il-kollaborazzjoni fl-oqsma tal-edukazzjoni, il-pandemija Covid-19, il-films, l-avjazzjoni u l-qasam marittimu ġew diskussi tul il-laqgħa. L-azzjoni meħtieġa fir-rigward tal-bidla fil-klima ġiet diskussa b’rabta mal-miri li kemm iċ-Ċina u anke l-Unjoni Ewropeja stabbilixxew sabiex l-użu ta’ enerġija iżjed nadifa jkun jista’ jwassalna għal tnaqqis drastiku fl-użu tal-karbonju. Il-Ministru Bartolo stqarr li s-salvazzjoni tal-pjaneta ma tiddependix biss mit-trażżin tal-bidla fil-klima, iżda teħtieġ diplomazija preventiva biex tevita li d-dinja tidħol f’ċiklu ġdid ta’ kunflitti militari. Huwa qal li jeħtieġ nitgħallmu ngħixu flimkien billi nindirizzaw id-differenzi ta’ bejnietna, bl-għan li ma nispiċċawx għedewwa ta’ xulxin bl-intenzjoni li neqirdu wieħed lill-ieħor.

Il-Ministru Bartolo faħħar il-mod li bih iċ-Ċina stinkat u rnexxielha toħroġ mill-faqar miljuni ta’ persuni, filwaqt li enfasizza li kull pajjiż għandu jkompli jaħdem favur għajxien fil-paċi għall-umanità kollha. Dwar dan, il-ministru rrefera għad-drittijiet umani li jeħtieġ ikunu mħarsa bħala drittijiet fundamentali li għandhom jitgwadew minn kull individwu. Id-drittijiet umani għandhom jinkludu dawk politiċi, soċjali u ekonomiċi sabiex in-nies tgħix ħajja diċenti u ħielsa. In-naħa Maltija saħqet fuq l-importanza li anke fil-qasam diġitali nikkultivaw rispett reċiproku, li jista’ jkun milħuq permezz ta’ mġiba tajba mill-istati kollha, sabiex ikunu miġġielda attivitajiet malizzjużi f’dan il-kamp. L-ebda pajjiż ma għandu jippermetti li t-territorju tiegħu jintuża biex isiru attakki ċibernetiċi fuq pajjiżi oħra.
 
Il-Ministru Bartolo argumenta li, “Id-dinja għandha riżorsi, avvanz xjentifiku u t-teknoloġija meħtieġa biex titma lil kulħadd, tfejjaq ħafna mill-mard u teduka lil biljuni ta’ tfal. Sta għall-politiċi li jiddeċiedu jekk dan l-għarfien u l-ġid jużawhx għall-ħelsien jew il-jasar tan-nies; għall-paċi u l-prosperità jew inkella l-gwerra u l-miżerja.” 

Iż-żewġ naħat qablu dwar l-importanza li għandha n-Nazzjonijiet Magħquda biex issolvi kunflitti f’reġjuni differenti madwar id-dinja. Il-kwistjoni tal-Libja ġiet diskussa u ż-żewġ naħat qablu li s-soluzzjoni għandha tkun waħda li tiġi minn u titmexxa mil-Libjani stess, taħt l-awspiċi tan-Nazzjonijiet Magħquda. Il-kwistjonijiet fil-Lvant tal-Mediterran, il-proċess tal-paċi fil-Lvant Nofsani u l-instabilità fl-Afganistan kienu wkoll diskussi. Iż-żewġ naħat qablu li se jkomplu jagħmlu l-almu tagħhom biex jikkontribwixxu favur il-proċessi ta’ paċi u l-istabilità kull fejn meħtieġ.​

Photo of all parties during the bilateral meeting 
Minister Evarist Bartolo and the Chinese State Councillor and Foreign Minister Wang Yi 
Minister Evarist Bartolo during the bilateral meeting