Il-Ministru Evarist Bartolo kellu telefonata mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina Wang Yi

Numru ta' Referenza: PR202441, Data ta' l-Istqarrija : Diċ 01, 2020
 
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo kellu telefonata mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina Wang Yi li matulha ddiskutew diversi kwistjonijiet bilaterali u internazzjonali.

Dwar il-pandemija Covid-19, il-Ministru Bartolo esprima l-gratitudni ta’ Malta lejn iċ-Ċina għall-assistenza tagħha primarjament fil-provvediment tal-ilbies protettiv. Huma ddiskutew it-tilqima kontra l-COVID-19 u qablu li l-vaċċin għandu jkun disponibbli bħala oġġett komuni tal-popli kollha u li għandu jkun affordabbli biżżejjed biex ikun aċċessibbli għall-komunitajiet kollha tad-dinja.

Il-Ministru Bartolo esprima s-sodisfazzjon tiegħu għan-numru dejjem jikber ta’ skambji tal-istudenti bejn iż-żewġ pajjiżi u ż-żewġ naħat qablu li dawn l-isforzi għandhom jiġu intensifikati. 

Dwar ir-relazzjonijiet internazzjonali, il-Ministru Bartolo awgura titjib fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina. Iż-żewġ Ministri qablu li l-gwerra ma ssolvix il-problemi, li l-vjolenza żżid il-mibegħda u t-taħditiet ta' paċi huma xierqa u l-unika triq biex issolvi l-kunflitti. Il-Ministru Wang Yi qal li ċ-Ċina għarfet in-newtralità u d-diplomazija tal-paċi ta’ Malta u se tiżviluppa r-relazzjonijiet tagħha ma’ Malta fuq il-bażi tal-ugwaljanza. 

Il-Ministru Bartolo qal li Malta tilqa’ l-ftehimiet dwar relazzjonijiet kummerċjali ffirmati miż-żewġ pajjiżi, u hija ħerqana li tippromwovi aktar kummerċ bejn kumpaniji Ċiniżi u Maltin. Huwa enfasizza l-importanza strateġika ta’ Malta bħala ċentru għall-kummerċ Ċiniż fi proġetti trijangulari ma’ Malta, l-Unjoni Ewropea kif ukoll mal-opportunitajiet emerġenti fl-Afrika. 

Il-Ministru Evarist Bartolo stieden lil Wang Yi biex iżur Malta biex jikkonsolida u jkompli jibni fuq ir-relazzjonijiet bilaterali tajbin ħafna bejn iż-żewġ pajjiżi, waqt li nnota li fl-2022 se jaħbat l-50 anniversarju mit-twaqqif tar-relazzjonijiet bejn Malta u r-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.​