Il-Ministru Evarist Bartolo jappella għal aktar għaqda waqt il-Laqgħa Ministerjali tal-OSKE

Numru ta' Referenza: PR202471, Data ta' l-Istqarrija : Diċ 04, 2020
 
Waqt is-27 Laqgħa Ministerjali tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), li bdiet fit-3 ta’ Diċembru 2020, il-Ministru għall-Affarjiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo saħaq dwar il-bżonn li jingħelbu d-differenzi bejn l-istati parteċipanti biex ikun hemm ħidma iktar konkreta favur is-sigurtà tar-reġjun.

Fl-intervent tiegħu, il-Ministru Bartolo nnota li minkejja li l-OSKE hi bbażata fuq il-kunsens, konsegwenza tan-nuqqas ta’ fiduċja u rieda politika mill-istati parteċipanti, dan l-aħħar qed ikun hemm inqas qbil fl-organizzazzjoni. Il-Ministru Bartolo żied jgħid li d-differenzi fil-prijoritajiet bejn il-pajjiżi m’għandhomx ikunu ta’ ostaklu biex jiġu mwettqa l-għanijiet komuni tal-OSKE.

Waħda mit-temi ewlenin tal-Laqgħa Ministerjali kienet fuq il-valur tal-multilateraliżmu effettiv fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19. Fuq dan il-punt, il-Ministru Bartolo saħaq li din is-sitwazzjoni sservi bħala sejħa għall-azzjoni biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni u biex inħaddnu l-opportunitajiet li l-mezzi diġitali ġabu magħhom. Il-Ministru Bartolo tkellem ukoll dwar l-importanza tar-riżoluzzjoni tal-kunflitti, fejn enfasizza fuq l-importanza tad-djalogu interkulturali u bejn ir-reliġjonijiet fil-ħidma lejn il-kisba ta’ paċi sostenibbli fir-reġjun.

Fuq ir-relazzjoni mal-Imsieħba għall-Kooperazzjoni tal-Mediterran, il-Ministru Bartolo enfasizza l-bżonn ta’ kooperazzjoni tanġibbli mal-pajjiżi tal-Mediterran fil-ħidma favur is-sigurtà u l-istabilità kollettiva tar-reġjun.

Il-Laqgħa Ministerjali tal-OSKE tlaqqa’ kull sena l-ministri għall-affarjiet barranin tal-istati parteċipanti tal-OSKE flimkien mal-ħdax-il pajjiż li jagħmlu parti mill-Imsieħba għall-Kooperazzjoni tal-OSKE. Din il-laqgħa sservi sabiex jiġu analizzati l-attivitajiet tal-OSKE u jiġu diskussi miżuri fuq it-tisħiħ ta’ din l-organizzazjoni. Din is-sena, il-laqgħa saret b’mod virtwali taħt it-tmexxija taċ-Chairmanship tal-OSKE tal-Albanija.​