Il-Ministru Evarist Bartolo jindirizza l-ewwel konferenza internazzjonali għall-istabbiltà fil-Libja fl-aħħar għaxar snin

Il-Ministru Evarist Bartolo jindirizza l-ewwel konferenza internazzjonali għall-istabbiltà fil-Libja fl-aħħar għaxar snin

Numru ta' Referenza: PR211923, Data ta' l-Istqarrija : Ott 22, 2021
 
‘Għandna ngħinu lill-poplu Libjan jibni daru mill-ġdid’
 
Fi Tripli, fl-ewwel konferenza għall-istabbiltà fil-Libja li qatt saret fl-aħħar għaxar snin, il-Ministru Evarist Bartolo qal li l-komunità internazzjonali għandha tgħin lill-poplu Libjan jibni dar mill-ġdid. Għal din il-konferenza attendew 30 delegazzjoni, inklużi 23 ministri tal-affarijiet barranin minn pajjiżi Ewropej, Għarab, Afrikani, mill-Istati Uniti, mir-Russja, mit-Turkija u min-Nazzjonijiet Magħquda. Il-konferenza tlaqqgħet mill-Gvern Libjan ta’ Għaqda Nazzjonali hekk kif qed isiru t-tħejjijiet għal elezzjoni ġenerali f’Diċembru li ġej. Il-komunikat finali tal-konferenza saħaq dwar il-ħtieġa għal elezzjonijiet trasparenti, ġusti u inklussivi fil-Libja.

Il-Ministru Bartolo qal li għal kważi seba’ miljun Libjan, il-Libja hi d-dar imfarrka tagħhom fejn żewġ terzi jgħixu taħt il-linja tal-faqar, terz huma spostati, eluf ta’ djar flimkien ma’ skejjel u sptarijiet meqruda u nuqqas ta’ provvista konsistenti ta’ elettriku u ilma. Dan minkejja li l-Libja hi fost l-aktar pajjiżi sinjuri fil-Mediterran. 

“Bħala komunità internazzjonali, l-inqas li nistgħu nagħmlu hu li ngħinu lil-Libjani biex jerġgħu jibnu darhom iżda mingħajr ma nindaħlu u nimponu soluzzjonijiet li joħolqu aktar problemi. Il-Libja ma tistax terġa’ tinbena minn fuq u minn barra, bħallikieku qed tipprova tibni dar mis-saqaf ’l isfel, din tiġġarraf”.

Il-Ministru Bartolo qal li l-Libja trid tinbena mill-qiegħ, mil-Libjani u għal-Libjani, imma biex jagħmlu dan, il-Libjani jridu jsibu modi kif jgħixu u jaħdmu flimkien. Il-firdiet tal-Libjani jgħinu lil dawk il-Libjani u lill-barranin li jridu li l-Libja tibqa’ mhux governabbli biex ikunu jistgħu jisfruttawha fl-interessi tagħhom stess. Jeħtieġ li jkun hemm rikonċiljazzjoni fost il-Libjani. u l-għedewwa tal-bieraħ u tal-lum iridu jsiru l-imsieħba ta’ għada.

Pass indispensabbli hu li jsiru l-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari. Waħidhom ftit li xejn se jkunu ta’ soluzzjoni, iżda mingħajrhom is-sitwazzjoni se tmur għall-agħar peress li mhux se jkun hemm awtorità leġittima fil-Libja u se ssir saħansitra aktar ingovernabbli li tagħmilha impossibbli li jgħaqqdu istituzzjonijiet militari, finanzjarji u politiċi nazzjonali li mingħajrhom ma jkunx hemm stabbiltà.

Irridu niffukaw fuq l-irtirar tal-merċenarji bħala l-ewwel pass. Dan irid jiġi ġestit tajjeb u jkun f’idejn in-Nazzjonijiet Magħquda li għandha tingħata l-appoġġ meħtieġ biex tara li dan l-irtirar jiġi mmaniġġjat tajjeb f’kull stadju jekk ma rridux nesportaw merċenarji armati f’pajjiżi oħra.

L-irtirar tal-preżenza militari barranija kollha jeħtieġ li jkun gradwali, inkrementali u verifikabbli u realistikament jieħu aktar żmien biex jitwettaq. Mhux realistiku li jkun hemm approċċ ‘big bang’ għall-irtirar peress li joħloq problemi kbar u jfixkel l-ekwilibriju fraġli eżistenti permezz tal-bilanċ tal-forzi. Jekk dan l-ekwilibriju jinkiser, il-Libja tista’ tikkollassa totalment u internament u tiddestabilizza lill-ġirien kollha.

“Għandna bżonn nappoġġaw lill-poplu Libjan fit-triq diffiċli li għandna quddiemna biex nerġgħu niksbu l-kontroll tal-Libja, biex nużaw il-ġid tal-Libja għall-benefiċċju tal-Libjani kollha. Jalla jirbaħ l-ispirtu tal-għalliem, mexxej u martri Omar Mukhtar (1858-1931): dan issagrifika ħajtu għal Libja ħielsa u magħquda. Ġewwa l-Libja u barra hemm min l-interess tiegħu hu li l-aħwa Libjani jkomplu joqtlu u jiġġieldu lil xulxin biex ikunu jistgħu jieħdu għalihom il-ġid li hu tal-poplu Libjan kollu. Irridu negħlbu lil dawk li l-interess tagħhom hu li l-Libja tibqa’ ingovernabbli”, saħaq il-Ministru Bartolo.​

Group photo at the  post-conflict international conference 
Minister Evarist Bartolo and Libyan Foreign Minister Najla Mohamed El-Mangoush