Il-Ministru Bartolo jappella għal aċċess umanitarju bla xkiel fis-Sirja

Numru ta' Referenza: PR201227, Data ta' l-Istqarrija : Ġun 30, 2020
 
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo pparteċipa fir-raba’ Konferenza ta' Brussell dwar l-Appoġġ għall-Ġejjieni tas-Sirja u r-Reġjun. Filwaqt li kompliet tibni fuq is-sessjonijiet preċedenti, il-Konferenza fittxet li tkattar u tħabrek fuq il-front politiku, u tingħata spinta sabiex tiġi pprovduta l-għajnuna umanitarja meħtieġa fis-Sirja u r-reġjun tal-madwar.

Hekk kif indirizza s-sessjoni plenarja dwar id-dimensjoni umanitarja fis-Sirja, il-Ministru nnota li għaddew għaxar snin minn meta beda l-kunflitt fis-Sirja. Huwa enfasizza l-ħtieġa li l-komunità internazzjonali tibqa’ ffokata fuq ir-realtajiet li qed iseħħu f’dan il-pajjiż.

Filwaqt li esprima t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni umanitarja li hija waħda fraġli fis-Sirja, u li ġiet aggravata aktar bil-pandemija tal-COVID-19, il-Ministru Bartolo enfasizza li l-infrastruttura umanitarja fis-Sirja m’għandhiex tkun politiċizzata. F'dan il-kuntest, huwa imperattiv li jitħalla aċċess għall-għajnuna umanitarja bla xkiel għall-poplu Sirjan, f'konformità mal-liġi umanitarja internazzjonali. Huwa sellem ukoll lill-atturi umanitarji kollha fl-isforzi bla waqfien tagħhom ta’ appoġġ essenzjali u kruċjali għal dawk kollha fil-bżonn.

Il-Ministru Bartolo rrefera wkoll għall-impatt ekonomiku u soċjali tal-COVID-19 fuq ir-refuġjati u l-komunitajiet ospitanti tagħhom. Filwaqt li faħħar ir-rwol li kellhom il-pajjiżi ġirien, partikolarment il-Libanu, il-Ġordan u t-Turkija, il-Ministru esprima l-appoġġ tiegħu għall-isforzi internazzjonali biex itaffu l-intoppi konsiderevoli li jiffaċċjaw dawn il-gvernijiet u appella għal reazzjoni internazzjonali sabiex jittaffew il-piżijiet addizzjonali li rriżultaw minn din il-pandemija.​