Il-Ministru Bartolo jappella għal azzjoni komprensiva biex jiġu indirizzati l-irkupru ekonomiku u l-isfidi tal-klima

Numru ta' Referenza: PR202590, Data ta' l-Istqarrija : Diċ 15, 2020
 
Il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (UE) u l-Amerika Latina u l-Karibew (LAC) iltaqgħu virtwalment f’laqgħa ministerjali informali fl-14 ta’ Diċembru 2020. Iż-żewġ naħat esprimew solidarjetà u ssottolinjaw l-importanza għolja mogħtija mill-pajjiżi taż-żewġ reġjuni għas-sħubija tagħhom, ibbażata fuq interessi komuni u valuri kondiviżi bħar-rispett għall-prinċipji minquxa fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, id-demokrazija, l-iżvilupp sostenibbli, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt.

F’messaġġ rekordjat, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo enfasizza l-isfidi kkawżati mill-COVID-19. Huwa qal li l-akbar lezzjoni li qed nitgħallmu minn din il-pandemija hija li aħna qegħdin fiha flimkien u rridu noħorġu minnha flimkien. Filwaqt li enfasizza l-isfidi kkawżati mit-tibdil fil-klima, saħaq li l-irkupru ekonomiku għandu jinbidel f’opportunità biex nibnu mill-ġdid b’mod aħjar filwaqt li jirkupraw it-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi u jingħelbu l-isfidi ambjentali u klimatiċi fuq medda itwal ta’ żmien.

Huwa spjega li matul is-snin, Malta żviluppat qafas għall-immaniġġjar tal-ilma bil-għan li tiżgura li d-domanda nazzjonali tal-ilma tiġi indirizzata b'mod li jkun ekonomikament u ambjentalment fattibbli. Malta bħalissa qed tiżviluppa għodda għall-immaniġġjar integrat tar-riżorsi tal-ilma għall-gżejjer, u hija lesta li timpenja ruħha mal-partijiet interessati bil-ħsieb li toffri soluzzjonijiet intelliġenti biex ittejjeb is-sistemi tal-provvista tal-ilma u żżid ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima.

Il-ministru enfasizza wkoll l-irwol tal-oċean fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima kif ukoll il-potenzjal għal ekonomija bbażata fuq l-oċeani biex tasal għal tnaqqis sinifikanti ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet. Permezz tal-Karta Blu tal-Commonwealth, Malta qed taħdem ħafna mal-kontropartijiet tagħha fil-Karibew biex tiżgura oċean aktar b’saħħtu. Il-Ministru Bartolo kkonkluda l-intervent tiegħu billi ddikjara li l-irkupru ekonomiku u l-kriżi tal-klima għandhom jiġu mmaniġġjati u indirizzati b’mod koerenti biex tassew nipprevjenu li s-sitwazzjoni tmur għall-agħar fil-futur.

Din il-laqgħa kienet ospitata f’Berlin mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Ġermanja, Heiko Maas, għall-Presidenza tal-Kunsill tal-UE, u ppreseduta mir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Josep Borrell Fontelles. Fi tmiem il-laqgħa, ġiet adottata stqarrija konġunta.