Il-Ministru Bartolo jappella għal alleanza bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti li tgawdi l-fiduċja tal-Libjani

Numru ta' Referenza: PR201134, Data ta' l-Istqarrija : Ġun 16, 2020
 
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo pparteċipa f’konferenza virtwali tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea bis-sehem tas-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti tal-Amerika, Michael Pompeo f’diskussjoni dwar kwistjonijiet importanti li jolqtu mill-qrib ir-relazzjoni transatlantika.

Il-Ministri għall-Affarijiet Barranin kellhom l-opportunità jenfasizzaw il-front magħqud li jeżisti fuq numru ta’ kwistjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti, filwaqt li nnotaw numru ta’ elementi li jeħtieġu aktar kordinazzjoni u sforzi miftehma. 

Il-Ministru Bartolo stqarr li biex l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti jagħtu sehemhom b’mod pożittiv fil-Libja, iridu jaħdmu biex jiksbu l-fiduċja, jekk mhux ta’ dawk kollha involuti fil-kunflitt, għall-anqas tal-Libjani nfushom.  Il-messaġġ ewlieni tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti għandu jkun: Libja waħda għal-Libjani u mhux teatru tal-gwerra fejn dawk li għandhom interessi ġeo-politiċi u fl-enerġija jinqdew b’ħaddieħor biex jiġġieldu kontra xulxin.

Għandna nappoġġjaw u nħeġġu li jsir kull sforz biex inġibu lil-Libjani flimkien permezz tal-proċess politiku tal-Ġnus Magħquda biex ikunu huma stess li jfasslu l-ġejjieni tagħhom għall-ġid tal-poplu tagħhom.  Jekk id-destin tal-Libja se jiġi deċiż minn pajjiżi oħra, se jkun kontra l-interess tal-Libjani u mhu se jkun hemm l-ebda stabbilità u paċi fil-Libja, u dan imur kontra l-interessi tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Uniti.​